Opinjoni | M’għandniex dritt indawru lira?

L-aħħar darba li mort Kemmuna bil-familja.... 

Blue Lagoon, Kemmuna; Ġenna sfrakassata?
Blue Lagoon, Kemmuna; Ġenna sfrakassata?

L-aħħar darba li mort Kemmuna bil-familja, ma sibt l-ebda post fejn inqiegħed imqar il-basket bl-affarijiet li kelli fih. Dan forsi kien jieħu medda t’inqas minn nofs metru kwadru għax il-blat kien miżgħud bl-umbrelel u s-sunbeds miftuħin għal-lest biex jilqgħu t-turisti lesti jħallsu 25 jew 30 ewro tal-kirja. L-agħar li ma kien għad hemmx turisti għax mort kmieni u meta tlabt lis-sid iressaq ftit ħalli npoġġi l-basket, qalli: “Ħeq, mela mhux kulħadd irid idawwar lira?” Komplejna nitkellmu u qalli li t-turist irid jinqeda u weġibtu “u l-Malti bħali ma jinqediex?” u b’tbissima qalli: “Imma inti ma tħallasx!”

Lili kien qed ikellimni biċ-ċajt dan l-individwu, iżda l-maġġoranza tan-nies li bdew jaslu hemm qabdu jillettikaw miegħu u mas-sidien l-oħra, u ħafna turisti spiċċaw jaqsmu l-baħar lejn in-naħa l-oħra biex joqogħdu fuq ix-xatt fejn ma kien hemmx umbrelel.

Dan l-episodju juri b’mod ċar waħda mis-saħtiet tat-turiżmu tal-massa. F’pajjiż f’bħal tagħna li jiddependi fuq dan it-tip ta’ turiżmu, l-awtoritajiet ma jħobbux jagħfsu lill-operaturi bil-kontrolli l-aktar fis-sajf meta jiġu l-maġġoranza tat-turisti, iżda min-naħa l-oħra, dawn ftit qed jagħtu kas l-effett tal-eluf kbar ta’ turisti li jiġu fis-sajf u jikkompetu mal-Maltin għall-attrazzjonijiet sajfin Maltin bħax-xtajtiet u l-bajjiet, u anke għal sempliċiment karrozzi tal-linja li jiġu mimlija bihom u s-servizzi infrastrutturali li jaqgħu taħt pressjoni kbira minħabba ż-żieda tal-popolazzjoni turistika.

Xejn mhu ta’ ġid għall-prodott turistiku li jkollok il-poplu jibda ‘jobgħod’ lit-turist għax dan jibda jdejqu peress li jsibu kullimkien, u minħabba li s-servizz li jieħu jkun bil-ħlas u allura jingħata servizz aħjar bħal spazju fuq bajja jew xatt. Ma tistax iġġiegħel il-poplu jgħir għat-turisti bħalma ġara f’pajjiżi oħra fejn in-nies tal-post għandhom fama ta’ żorri u suppervi mat-turisti.

Wasalna fi stat li tant ittieħdu meded mill-bajjiet tagħna minħabba li operaturi jaqbdu u jikkapparaw l-art bl-umbrelel u s-sunbeds, li ħafna Maltin qed jispiċċaw imorru l-baħar u minflok jiddevertu, jinkorlaw u jitmasħnu ma’ dawn l-operaturi. Kif qalli wieħed: “Immur il-baħar biex nillettika u nitmasħan, minflok ma’ nistrieħ għax l-egoiżmu u l-arroganza dawn l-operaturi m’għandhiex qies, u lill-awtoritajiet tgħidilhom kemm tgħidilhom qisek qed tkellem lill-ħajt!”

Ħafna minn dawn l-operaturi jikru l-iġenji tal-baħar u joħorġuhom mill-bajjiet u minħabba l-volum ta’ kirjiet, ħafna bajjiet qed jispiċċaw riħa ta’ diesel u petrol, speċjalment madwar il-postijiet li ngħatawlhom il-permess mill-Malta Tourism Authority jew id-Dipartiment tal-Artijiet. Oħrajn li ngħataw l-art bi speċi ta’ ċens perpetwu mid-Dipartiment tal-Artijiet bħalma ġara fl-Armier u Little Armier fejn jidher li għandhom id-dritt jimlew il-bajja bl-umbrelel minn sbieħ filgħodu mingħajr ħadd ma jista’ jkellimhom.

hemm ħafna individwi wkoll li jaħsbu li l-bajjiet huma tagħhom u erħilhom itellgħu kampijiet u gazebos, jieħdu spazju kbir f’bajjiet li l-ispazju fuqhom diġà huwa limitat u peress li jkunu ċorma, allaħares tkellimhom għax joqtluk!’ David Pace

Min-naħa l-oħra, hemm ħafna individwi wkoll li jaħsbu li l-bajjiet huma tagħhom u erħilhom itellgħu kampijiet u gazebos, jieħdu spazju kbir f’bajjiet li l-ispazju fuqhom diġà huwa limitat u peress li jkunu ċorma, allaħares tkellimhom għax joqtluk!

Dan juri nuqqas kbir ta’ sorveljanza u infurzar serju u anke meta dawn isiru, kif jitilqu l-ispetturi, tara lin-nies u lill-operaturi jerġgħu joħorġu l-affarijiet tagħhom u jikkapparaw il-bajja mill-ġdid. Min-naħa tal-awtoritajiet, jidher ċar li l-karba tal-poplu li jixtieq li jkun jista’ jgawdi l-baħar bil-kwiet qed jaqa’ fuq widnejn torox. Ilkoll nafu li din il-farsa kerha tal-operaturi fuq il-bajjiet ilha għaddejja mill-inqas mal-ħamsa u għoxrin sena. Għallinqas daqshekk ili nikteb fuq din il-problema u niftakar artiklu fil-Maltatoday dwar ir-rebus fl-Għadira u dwar il-fatt li l-operaturi qatt ma jagħtu rċevuta tal-VAT, u r-risposta li ħadt kienet li d-dipartiment tal-VAT jagħmel numru ta’ spezzjonijiet fis-sajf biex jenforza l-liġi, u mort ftit jiem wara, u xorta baqgħu ma jagħtux irċevuta!

Din is-sitwazzjoni tiżviluppa kull sajf u għalhekk bilfors tistaqsi jekk il-gvern verament qiegħedx jieħu l-problema bis-serjetà. Bħalissa bħal f’kull sajf jibdew jidhru pataflun ta’ lmenti fuq il-Facebook, fil-paġni ta’ l-ittri lill-editur u bħalha stejjer fuq diversi gazzetti kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. Naf ċert li r-risposta mhix uffiċjali ta’ min hu inkarigat li jipproteġi liċ-ċittadini Maltin li jgawdu s-sajf ħdejn il-baħar hija li dawn l-istejjer huma riżultat tat-tgergir li l-ħin kollu jgerger il-poplu Malti li ma tista’ tissodisfah b’xejn u t’esaġerazzjoni rrapportati minn midja li ma tantx ikollha stejjer fis-sajf.

M’hemmx xi ngħidu li dan mhux attaġġjament korrett u l-gvern irid jidher li qed jenforza l-liġi u għandu bżonn jibda jieħu azzjonijiet drakonjani li jwaqqaf dawk l-operaturi li ripetutament jiksru l-liġi u li jilmentaw fuqhom in-nies.

Soluzzjoni sempliċi hija li ħadd mill-operaturi ma jkun jista’ jwaħħal umbrelel jew sunbeds fuq il-post jekk dan ma jkunx ġie mikri. Mhux tarahom minn sbieħ filgħodu jkunu diġà mlew il-bajja bl-umbrelel u sunbeds vojta ħalli ħadd ma jkun jista’ jokkupa dawn il-postijiet; u jekk jiġi xi ħadd iċaqlaqhom biex iqiegħed tiegħu tgħid x’jagħmlulu.

David Pace jgħallem it-turiżmu sostenibbli fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi

 

More in Politika