Jordna inkjesta fil-konfront ta' Konrad, Keith u l-kontijiet fil-Panama wara t-talba ta' Busuttil

Il-Maġistrat Ian Farrugia jiddeċiedi li hemm bażi biżżejjed biex tibda inkjesta oħra fil-konfront ta' Konrad Mizzi u Keith Schembri 

Konrad Mizzi u Keith Schembri
Konrad Mizzi u Keith Schembri

Il-Maġistrat Ian Farrugia ddeċieda li hemm bażi biżżejjed biex tibda inkjesta Maġisterjali fil-konfront tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff Keith Schembri. Dan wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni mar il-Qorti u talab biex tinfetaħ inkjesta dwar il-kontijiet li kemm Mizzi kif ukoll Schembri għandhom fil-Panama. Il-kumpaniji kienu Hearnville tal-Ministru Mizzi u Willerby taċ-Chief of Staff tal-PM. 

L-applikazzjoni fil-Qorti minn l-istess Busuttil elenkat lista ta' avvenimenti u azzjonijiet minn meta Mizzi u Schembri inħatru fil-kariga fl-2014. 

Din għalhekk se tkun inkjesta Maġisterjali oħra, ma' numru oħrajn li għaddejjin bħalissa jew li qed jistennew il-publikazzjoni, fosthom dik dwar allegat involviment u pussess tal-kumpanija Egrant minn mart il-PM Michelle Muscat. Inkjesta oħra infetħet wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni allega u mar il-Qorti bi provi li skontu juru kif għaddew flus u ħlasijiet minn Adrian Hillman għal għand Keith Schembri. inkjesta oħra tallega li kien hemm teħid ta' kummissjonijiet mill-proġett tat-tanker tal-gass mill-istess Ministru Mizzi u Schembri. 

Il-każ dwar il-kontijiet fil-Panama kien qam lura fi Frar 2016 hekk kif kienu żvelati kontijiet fil-Panama tal-Ministru Konrad Mizzi li ma kienux iddikjarati. Sussegwentement kienu żvelati kontijiet ta' Keithy Schembri. Kemm Mizzi kif ukoll Schembri ċaħdu b'qawwa kbira akkużi ta' ħasil ta' flus u saħansitra Schembru fetaħ kwerela kontra l-Kap tal-PN Simon Busuttil. Huwa akkużah b'gideb u ġurnament falz.

'Il-Kap tal-PN mhux qed ikun korrett u qed jimiżinterpreta għall-gwadann politiku'

Intantil-Gvern fakkar li fid-digriet tiegħu l-Maġistrat Ian Farrugia jgħid speċifikament li: “Ikun fl-aħħar tal-investigazzjoni dwar l-in genere li jkun jista’ jingħad jekk hemmx lok għal azzjoni kriminali jew le. U f’każ pożittiv, fir-rigward ta’ liema reati tkun trid tiġi istitwita l-azzjoni penali u fil-konfront ta’ min.” Ikompli li: “Bis-saħħa tal-investigazzjoni dwar l-in genere tkun tista’ tiġi stabbilita l-verità ġudizzjarja tal-fatti.”

"Dan ifisser li l-Kap tal-Oppożizzjoni, kif għamel f’każijiet fir-reazzjoni tiegħu, mhux qed ikun korrett. Hija tal-mistħija li f’demokrazija l-Kap tal-Oppożizzjoni jimmiżinterpreta Digriet tal-Qorti b’dan il-mod għal gwadann politiku," sostniet l-istqarrija tal-Gvern. 

"L-istess fatti ta’ dan il-każ diġà huma mertu t’inkjesti oħra li diġà qed isiru u li ntalbu mill-Kap tal-Oppożizzjoni bl-istess mod. Ma kien hemm ebda prova jew xi informazzjoni ġdida f’dak li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni u allura bħal fil-każijiet l-oħra, il-membri tal-Gvern se jkunu qed jikkoperaw mal-inkjesta in genere li għadha trid tistabilixxi l-fatti."


 

More in Politika