Mat-3,400 inqas jistennew għal operazzjoni mill-2014

....2,562 minnhom kienu qed jistennew biex jagħmlu tal-katarretti

L-istennija għall-operazzjoni tal-katarretti bi tnaqqis ta’ 2,562 persuna f’erba’ snin
L-istennija għall-operazzjoni tal-katarretti bi tnaqqis ta’ 2,562 persuna f’erba’ snin

Mill-2014 sa’ Mejju/Ġunju ta’ din is-sena kien hemm mat-3,400 persuna inqas tistenna biex tagħmel operazzjoni fl-isptar ġenerali ta’ Malta Mater Dei. L-akbar tnaqqis li seħħ f’dawn l-aħħar erba’ snin kien f’dak li jirrigwarda operazzjonijiet tal-katerretti. Fil-fatt fl-2013 kien hemm xejn inqas minn 3,580 persuna jistennew biex jagħmlu din l-operazzjoni f’għajnejhom, liema lista niżlet b’aktar minn nofs għal 1,018 sa’ Ġunju ta’ din is-sena. Dan ifisser illi kien hemm tnaqqis ta’ xejn inqas minn 2,562 persuna.

L-operazzjoni tal-kataretti ssir biex ittejjeb il-viżjoni mill-għajnejn li tkun ċċajpret u marret lura u hija fost l-aktar operazzjoni popolari f’Malta u anke fir-Renju Unit fejn isir mat-300,000 operazzjoni ta’ din it-tip. 

Apparti minn dan kien hemm ukoll tnaqqis konsiderevoli fil-lista tal-operazzjonijiet għall-bdil tal-irkoppa, bil-lista tkun ta’ 1,733 sal-2013 u tinżel għal 878 persuna f’Mejju tal-2017. Dan ifisser illi hawnhekk kien hemm tnaqqis ta’ 855 persuna. Kien hemm tnaqqis ukoll ta’ 138 persuna li kienet qed tistenna għall-hip replacement, bil-lista tinżel minn 334 sal-aħħar tal-2012 għal 196 persuna sa Mejju 2017.

Din l-informazzjoni ngħatat fil-Parlament din il-ġimgħa mill-Ministru Chris Fearne għall-mistoqsijiet tad-Deputat Laburista Silvio Grixti. 

More in Politika