Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Editorjal | Nhar il-Ħamis filgħodu ...

'Għalhekk nhar il-Ħamis Malta qamet aħjar. Malta qamet b’kuxjenza aktar nadifa li lil uliedha titrattahom ilkoll l-istess....Malta fil-fatt mhux ċaħdet, imma tat lil aktar nies il-jedd li jiċċelebraw iż-żwieġ'

Albert Gauci Cunningham / 16 ta' Lulju 2017 09:30
Karikatura | Mikiel Galea
Nhar il-Ħamis kien hemm min qam filgħodu bi drittijiet u dmirijiet daqs ħaddieħor. Ħadd ma qam aħjar, ħadd ma qam superjuri u ħadd ma qam bi privileġġi. Nhar il-Ħamis filgħodu qomna f’pajjiż fejn l-imħabba hija ugwali u għax hija ugwali, anke jekk mhux l-istess, vera, jixraqilha l-istess rikonoxximent mill-istat. Nhar il-Ħamis filgħodu, permezz ta’ vot Parlamentari kważi unanimu, l-istat irrikonoxxa li d-differenzi qegħdin hemm, mhux biex niddiskriminaw, mhux biex noħolqu ordni soċjali mibnija fuq tikketti ta’ ‘dak tajjeb’ u ‘dak inqas tajjeb’, imma biex niċċelebrawhom b’mod ugwali.

Nhar il-Ħamis filgħodu lil ommu kulħadd ‘ma’ għajtilha u lil missieru kulħadd ‘pa’ għajjatlu. Nhar il-Ħamis filgħodu bqajna ngħixu f’pajjiż fejn il-ġmiel u l-bżonn tal-għaqda fil-familja magħġuna minn omm u missier, li jinkoċepixxu t-tfal, għadu jkun iċċelebrat. Għax ħadd ma jista’ jiċħad l-importanza tal-omm u l-missier u ħadd mhu qed jiċħdu dan. Nhar il-Ħamis il-familja eterosesswali mhux vera ddgħajfet u jekk qed tidgħajjef qed jiġri dan għax illum spiċċa s-sens ta’ sagrifiċċju u sens ta’ ppjanar għat-tul. Għax illum hawn min jaħseb li kollox jgħaddi, li taqlbiha lil martek? Mhux problema. Li trid kollox u l-aqwa anke jekk taf li se titkisser finanzjarjament? Mhux problema. Li tkun żagħżugħ għadek tibda l-ħajja u ġġib tarbija fid-dinja? Mhux problema, tipprova u jekk ix-xogħol ma jogħġbokx, tlebbet ’l hemm. Illum qed ngħixu f’dinja fejn kollox issa u llum, l-aqwa u l-aħjar. Għada min rah? Għalfejn inkun kuntent b’żewġi jew b’marti tal-lum, meta nista’ nsib aħjar?

" Tiddgħajjef il-familja, mela, meta tkun infidil lejn il-parti l-oħra, meta tkun diżonest lejn il-parti l-oħra jew meta taħseb li żewġek/martek huma proprjetà tiegħek u int għandek id-dritt terfa’ jdejk fuqha jew tkissru moralment. Dawk huma l-vera susa tal-familja. Dawk huma t-thedidiet reali. Mela l-omosesswalità"
Hekk qed tiddgħajjef il-familja, mela billi fil-Liġi niktbu ‘ġenituri’ minflok nispeċifikaw ‘ma’ jew ‘pa’? Tiddgħajjef il-familja, mela, meta tkun infidil lejn il-parti l-oħra, meta tkun diżonest lejn il-parti l-oħra jew meta taħseb li żewġek/martek huma proprjetà tiegħek u int għandek id-dritt terfa’ jdejk fuqha jew tkissru moralment. Dawk huma l-vera susa tal-familja. Dawk huma t-thedidiet reali. Mela l-omosesswalità.

Fil-fatt, nhar il-Ħamis filgħodu wkoll il-Gvern flimkien mal-maġġorparti tal-Oppożizzjoni rriġettaw u remew il-possibbilità jew il-lussu li l-fallimenti ta’ waħda mill-aktar istituzzjonijiet importanti nitfgħuhom fuq minoranza. Spiċċa ż-żmien li min, bl-imġiba skoretta, immorali u rgħiba tiegħu kisser żwieġ, jaħbi l-fallimenti tiegħu wara ħaddieħor.

Nhar il-Ħamis filgħodu min ma kellux dritt li jiċċelebra l-imħabba tiegħu u jsejħilha żwieġ, issa għandu. U min ingħata dan id-dritt ma ħa xejn ta’ ħaddieħor, ma weġġa’ lil ħadd u ma seraq xejn.

Nhar il-Ħamis dan il-pajjiż issiġilla dak li beda fl-2014, meta kien introdott l-Att dwar l-Unjoni Ċivili. Dakinhar ukoll smajna kull forma ta’ theddid ta’ dnub mejjet u infern u nirien neżlin mis-sema minn eżatt l-istess nies li qed jitkellmu llum (b’kull dritt – u minn hawn dan l-editorjal irid juri rispett lejn min jaħsibha mod ieħor). Ħarsu lejn l-aħħar erba’ snin. Tkissret il-familja? Tfarrku familji minħabba l-unjoni ċivili?

"Ħarsu lejn l-aħħar erba’ snin. Tkissret il-familja? Tfarrku familji minħabba l-unjoni ċivili? Mhux talli ma tkissrux, talli 200 familja ċċelebraw l-għaqda fl-imħabba ta’ wliedhom. Talli l-ma u l-pa kienu hemm biex jaqsmu l-ferħ u l-mument storiku li wliedhom kienu qed jiċċelebraw"
Mhux talli ma tkissrux, talli 200 familja ċċelebraw l-għaqda fl-imħabba ta’ wliedhom. Talli l-ma u l-pa kienu hemm biex jaqsmu l-ferħ u l-mument storiku li wliedhom kienu qed jiċċelebraw.

Għax l-imħabba vera, hi x’inhi, iġġib magħha ferħ f’mumenti sbieħ, wens f’mumenti ta’ niket u għaqda quddiem sfidi kbar. U kważi 200 unjoni ċivili dak li ġabu; ferħ, ċelebrazzjoni, imħabba, għaqda u wens.

Għalhekk nhar il-Ħamis Malta qamet aħjar. Malta qamet b’kuxjenza aktar nadifa li lil uliedha titrattahom ilkoll l-istess. Malta qamet iktar Ewropea, iktar tolleranti u iktar Nisranija. Malta fil-fatt mhux ċaħdet, imma tat lil aktar nies il-jedd li jiċċelebraw iż-żwieġ.

U ġimgħat, xhur, snin u deċenji wara nhar il-Ħamis, meta nħarsu lura niftakru u nfakkru li dakinhar verament għamilna l-istorja bħala poplu. Xhur u deċenji mil-lum, ikunu ntesew l-għajtiet tal-biża’. Il-biki tal-orrur u l-preċipizju. Xhur u deċenji mil-lum niftakru illi l-Erbgħa 12 ta’ Lulju 2017, tajna mhux ħadna, inkludejna mhux eskludejna u bnejna mhux ħattejna.

Għalhekk, il-poplu kollu, anke min għad irid ikun konvint mill-pass li ħadna bħala pajjiż, għex l-istorja ta’ pajjiżna u kien parti minnha. Jalla dawk ta’ warajna u ta’ warajhom jiftakruna għall-għaqal u l-inklussività li wrejna u jalla kull ċelebrazzjoni ta’ mħabba mil-lum ’il quddiem tibqa’ tgħożż f’qalbha d-dati; l-14 ta’ Marzu 2014 u t-12 ta’ Ġunju 2017.

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook