Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Tonio jirreżisti pressjoni biex jitfa’ n-nomina

  • Numru kbir ta’ Nazzjonalisti jridu lil Tonio Fenech Kap tal-PN
  •  Mario De Marco jeskludi li jikkontesta kwalunkwe kariga, għalissa
  • Alex Perici Calascione se jingħaqad ma’ Said u Delia fil-ġirja

Albert Gauci Cunningham / 16 ta' Lulju 2017 10:20
Tonio Fenech; Ħafna Nazzjonalisti ħeġġewh għall-Kap tal-PN
Sigħat biss qabel jiftħu n-nomini u tibda l-kampanja għal Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista l-ILLUM tinsab infurmata li kienu ħafna dawk in-Nazzjonalisti li avviċinaw lill-eks Ministru Tonio Fenech biex jitfa’ n-nomina għall-kariga ta’ Kap tal-PN. Minkejja l-vot favur l-Att dwar iż-Żwieġ fil-Parlament, jidher illi l-ħsibijiet u l-pożizzjoni ta’ Fenech favur vot ħieles u kontra l-istess Att kif preżentat mill-Gvern niżel tajjeb ħafna, ma’ firxa wiesgħa tal-għeruq tal-istess partit.

Mhux biss. Il-fatt li Fenech kien l-aktar voċiferu kien privatament milqugħ minn numru ta’ Deputati Nazzjonalisti, li minkejja l-vot tagħhom kienu ħafna aktar qrib Fenech fil-ħsieb tagħhom, milli lejn il-Kap Simon Busuttil.

F’kuntatt li din il-gazzetta għamlet ma’ Fenech, dan ikkonferma li fl-aħħar jiem kellu rispons pożittiv minn numru kbir ta’ attivisti li ħeġġewh jitfa’ n-nomina għal Kap tal-PN. Mistoqsi jekk hux se jikkunsidra, Fenech kien skjett u wieġeb hekk; ‘Le, m’iniex f’pożizzjoni li nitfa’ n-nomina għall-Kariga ta’ Kap tal-PN.’

Hu kompla jgħid ukoll li l-kummenti tiegħu dwar il-liġi li għaddiet mill-Parlament din il-ġimgħa ma kienu bl-ebda mod intenzjonati ‘biex nevalwa jekk għandix nitfa’ n-nomina għal Kap jew le. Jiena però, nixtieq inkompli nagħti l-kontribut tiegħi lill-partit,” temm jgħid Fenech mal-ILLUM.

Fenech kien pjuttost voċiferu fl-aħħar jiem b’ittra elettronika li bagħat lill-Kap uxxenti tal-PN Simon Busuttil u lid-Deputati Nazzjonalisti, b’xi mod tispiċċa għand il-midja tal-Partit Laburista.  

Għall-ewwel darba, f’din l-ittra Fenech indika li r-raġuni wara r-riżenja tiegħu mhux vera li kienet relatata ma’ raġunijiet personali jew ta’ familja, imma minħabba nuqqas ta’ qbil serju fuq id-direzzjoni li kien qabad il-partit taħt it-tmexxija ta’ Simon Busuttil.

Fiha huwa jikkritika bil-qawwi l-mod kif l-istess partit tmexxa fuq il-kwistjoni u jikkritika t-tmexxija ta’ Busuttil, anke jekk mhux direttament, meta jgħid illi f’dawn l-aħħar erba’ snin ‘il-Partit Nazzjonalista akkwista l-għarfien tal-arti li titfa’ f’silenzju lil dawk b’opinjonijiet differenti, mhux permezz tad-djalogu u l-konvinzjoni, imma permezz ta’ manuvri ta’ posponiment tad-diskussjoni jew agħar, billi l-partit kollu jikkometti lilu nnifsu permezz ta’ stqarrijiet fil-midja li ma jkunu qatt diskussi fil-Grupp Parlamentari.’

Fenech ifakkar bosta drabi li l-PN bħal donnu injora lil ħafna votanti kattoliċi li sa ftit ilu kienu jsibu r-refuġju fil-PN, għax kien dan il-partit li jirrappreżenta l-valuri tagħhom. Fenech sostna wkoll li minkejja kollox il-PN ma rebaħ xejn, anzi tilef meta ħa pożizzjoni favur l-Att dwar iż-żwieġ kif ippreżentat mill-Gvern, anke jekk 80 emenda mressqa minnu ma kinux milqugħa.

De Marco barra mix-xena...għalissa

Mario De Marco: Jeskludi kull kariga...għalissa
Intant jidher illi, kif mistenni, fl-aħħar jiem kien hemm ukoll diversi nies li avviċinaw lil Mario De Marco għall-kariga ta’ kap. De Marco, minkejja li huwa inqas popolari fl-istrutturi tal-partit huwa rrispettat fost eluf ta’ tesserati Nazzjonalisti. Minkejja dan u filwaqt li kkonferma li bosta nies avviċinawh u ħajjruh mal-ILLUM dan ċaħad kategorikament li se jitfa’ nomina u sostna hekk; “M’iniex qed nikkunsidra li nikkontesta għat-tmexxija.”

L-ILLUM staqsiet lil De Marco jekk hux se jkun qed jikkontesta għal xi kariga oħra fit-tmexxija tal-PN bir-risposta tkun; ‘mhux fil-mument’.

Tlieta s’issa....

It-tlieta għall-Kap...s'issa
Intant hekk kif għada jiftħu n-nominazzjonijiet għall-kariga ta’ Kap tal-PN s’issa jidher li huma tlieta dawk illi se jikkontestaw din l-elezzjoni. L-ewwel li għamilha pubblika kien l-Avukat Adrian Delia, li ma’ gazzetti differenti esprima l-interess illi jokkupa l-kariga u li għada stess, eżatt wara li jippreżenta n-nomina se jkun qed jibda l-kampanja tiegħu b’mod uffiċjali.

Delia ilu fil-fatt li beda jagħmel diversi żjarat f’diversi bliet u rħula u f’każini tal-PN, minn Ħaż-Żebbuġ sal-Imsida u anke l-Isla. Minkejja kritika minn ċerti bnadi u speċjalment mill-blogger Daphne Caruana Galizia, Delia jidher li qed jaqbad art sew barra mill-istrutturi tal-partit u ma’ bosta attivisti.

Ftit wara beda l-kampanja tiegħu Chris Said li huwa iktar popolari fost il-kunsillieri hekk kif kien Segretarju Ġenerali għal numru ta’ snin. Said qed jittama li l-popolarità tiegħu fl-istrutturi tal-partit tinfirex aktar fost l-għeruq tal-partit, hekk kif jibda joqrob iż-żmien tal-vot.

Intant huwa mistenni wkoll illi jitfa’ l-kandidatura tiegħu għat-tiġrija Alex Perici Calascione, li kien teżorier tal-Partit Nazzjonalista u kien ukoll l-Avukat tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK). Kienet il-gazzetta oħt Maltatoday, li żvelat illi Perici Calascione kien qed jikkunsidra li jitfa’ n-nomina għall-ogħla kariga fil-PN.

 

 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook