Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

[Aġġornata] Busuttil jitlob biex tinfetaħ inkjesta kriminali fuq Keith Schembri u Konrad Mizzi

'L-elezzjoni ġenerali ma jfissirx li l-ġustizzja m’għandiex issir. L-elezzjoni mhux skuża biex reati kriminali jintesew jew jinkinsu taħt it-tapit'

Albert Gauci Cunningham / 14 ta' Lulju 2017 14:07
Simon Busuttil | ritratt: Chris Mangion
F’rikors li tressaq dalgħodu fil-Qorti, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil talab lill-Qorti tal-Maġistrati biex tinfetaħ inkjesta kriminali dwar iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi wara li s-sena li għaddiet dawn inqabdu b’kumpanija fil-Panama biex fiha jpoġġu b’miljun ewro fis-sena f’commissions

Fir-rikors tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni talab lill-Qorti tinvestiga jekk dan jammontax għal reat kriminali ta’ ħasil ta’ flus.  

F’kumment lill-media, Simon Busuttil qal: “Qed nieħu dan il-pass sabiex issir ġustizzja la darba la l-Pulizija u lanqas l-Avukat Ġenerali ma għamlu dak li messhom għamlu. L-elezzjoni ġenerali ma jfissirx li l-ġustizzja m’għandiex issir. L-elezzjoni mhux skuża biex reati kriminali jintesew jew jinkinsu taħt it-tapit. Aktar u aktar meta dawn jitwettqu minn nies fl-għoli kariga ta’ poter. Kif dejjem għamilt, se nibqa’ naħdem sabiex f’pajjiżna terġa’ ssaltan il-ġustizzja u l-liġi terġa’ tgħodd b’mod ugwali għal kulħadd.” 

Ir-rikors ġie preżentat mix-Shadow Minister tal-Ġustizzja Jason Azzopardi u l-Avukat Kris Busietta.

Intant kienet il-gazzetta ILLUM illi nhar il-Ħadd li għadda żvelat kif Busuttil, minkejja li deċiż li jħalli l-kariga tiegħu jerġa jirrikunsidra jekk iħoss li l-inkjesta dwar il-kumpanija Egrant tivvindikah u tippunta swaba lejn Joseph Muscat.

Mhux magħruf xi tkun il-pożizzjoni tiegħu kemm il-darba l-inkjesti dwar Keith Schembri u Konrad Mizzi, fil-fatt jissostanzjaw l-allegazzjoni ta' ħasil ta' flus. L-allegazzjonijiet kienu saru minn Busuttil, li sostna li kellu provi ċari ta' dan l-allegat ħasil ta' flus u li kien tela' l-Qorti bit-tali provi. Dwar dawn l-allegazzjonijiet bħalissa għaddejja inkjesta Maġisterjali. 

L-allegazzjoni dwar il-kumpanija Egrant ma kinitx saret minn Busuttil, imma l-PN kien uża l-istess allegazzjoni bħala raġuni biex tissejjaħ protesta u biex issir talba, saħansitra lis-servizzi sigrieti, għat-tneħħija tal-PM Joseph Musc

Keith Schembri; 'Jitlob li ssir investigazzjoni li diġa qed issir biex jipprova jsalva ġildu'

Intant fi staqrrija ċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri saħaq illi r-rikors ipprezentat illum minn Simon Busuttil "mhu xejn ħlief azzjoni legalment insostenibbli u attentat fjakk politiku sabiex jipprova jsalva l-karriera politika tiegħu...fi kliem ieħor qed jeġa jitlob investigazzjoni li diġa' qed issir.  Tal-inqas din id-darba ma uzax "l-istunt" tal-kaxxi vojta. Mhux se nippermetti li jibqa jsir aktar gideb fuqi u ghalhekk fis-sigħat li ġejjin se nieħu l-passi legali necessarji fil-konfront ta' Simon Busuttil," temm jgħid Schembri. 

Intant anke il-Ministru Konrad Mizzi wieġeb u sostna li Busuttil qed ikompli jxerred il-gideb u jitfa' t-tajn. "Kif għidt diversi drabi, it-Trust u l-kumpanija qatt ma kellhom kont tal-bank u qatt ma rċevew fondi minn imkien, mill-ebda parti tad-dinja." 

 

 

 

 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook