Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Opinjoni | Bla żejt f'wiċċu

Carmel Cacopardo jikkritika lid-Deputat Nazzjonalista David Agius għax qed jipprotesta kontra żvilupp f'Ħ'Attard li hu stess kien ivvota favurih...

Carmel Cacopardo / 13 ta' Lulju 2017 12:34
Id-Deputat Nazzjonalista David Agius
Persuna li ma tistħix ngħidulha li jkollha wiċċ bla żejt. Din taġixxi b’mod sfaċċat, qisu ma ġara xejn, bħall-membru parlamentari tal-PN David Agius.

David Agius, meta kien membru parlamentari fuq in-naħa tal-Gvern kien, flimkien ma’ oħrajn,  ivvota favur li art f’diversi partijiet ta’ Malta, fil-parti l-kbira tagħha art verġni, tingħata għall-iżvilupp. Issa qasam fuq in-naħa l-oħra u qiegħed jappoġġa lir-residenti li qed jipprotestaw kontra dan l-iżvilupp li hu vvota favur tiegħu.

F’Ħ’Attard, fl-inħawi magħrufa Tal-Idward, fil-periferija taż-żona tal-iżvilupp, David Agius jappoġġja lir-residenti li qed jipprotestaw biex art agrikola ma tkunx żviluppata. Ir-residenti huma rrabjati għax issa hemm it-tieni applikazzjoni biex ikun determinat kif tista’ tkun żviluppata l-art fl-inħawi tal-Idward.

"David Agius hu l-eżempju ovvju: meta l-partit tiegħu kien fil-Gvern jappoġġja l-ispekulazzjoni, u issa li qiegħed fl-Oppożizzjoni taparsi jappoġġja lir-residenti"
Carmel Cacopardo
David Agius kien hemm, kważi ċass, bla espressjoni f’wiċċu. Ħdax-il sena ilu, fil-Parlament kien ivvota favur l-istess żvilupp li issa kien qed jipprotesta kontra tiegħu!

L-istorja kollha hi dwar dak li hu magħruf bħala l-eżerċizzju ta’ razzjonalizzazzjoni li permezz tiegħu meded kbar ta’ art imxerrda mal-gżejjer Maltin, sa dakinhar barra miż-żona tal-iżvilupp, saru tajbin għall-bini. Bil-vot tiegħu favur dan kollu David Agius għin biex dan ikun possibli li jsir. David Agius mhux waħdu. Fuq il-bankijiet tal-Oppożizzjoni għad hemm diversi kollegi tiegħu li għamlu bħalu.

L-ippjanar għall-użu tal-art hu strument li għandu jkun użat fl-interess tal-komunità kollha, u mhux fl-interess tal-ftit. Sfortunatament, illum, ħdax-il sena wara huwa ċar iktar minn qatt qabel kemm l-eżerċizzju ta’ razzjonalizzazzjoni injora lill-komunitajiet residenzjali tagħna madwar il-pajjiż kollu biex jaġevola lill-ispekulaturi.   

Meta l-Parlament approva li meded kbar ta’ art barra miż-żona tal-iżvilupp isiru żviluppabbli kien jaf li ma kien sar l-ebda studju biex ikunu mkejla l-impatti kumulattivi li rriżultaw minn din id-deċiżjoni.  Bħala riżultat ta’ dan, l-impatti tat-traffiku, il-kwalità tal-arja, l-għargħar, id-dellijiet fuq bini diġà armat b’pannelli fotovoltajċi kif ukoll in-numru dejjem jiżdied ta’ proprjetà vojta kienu fatturi injorati kompletament meta l-Parlament iddeċieda li japprova l-eżerċizzju ta’ razzjonalizzazzjoni.

Sfortunatament l-Awtorità tal-Ippjanar, minkejja li kienet taf b’dan in-nuqqas baqgħet għaddejja u ma ppruvatx tagħmel tajjeb għan-nuqqas tal-Parlament.

Sadanittant, fil-Parlament, il-Ministru Ian Borg huwa u jwieġeb għall-kritika ta’ din id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar ipponta subgħajh lejn l-Oppożizzjoni. Imma dan mhux biżżejjed għax anke l-Partit Laburista wara 4 snin fil-Gvern ma għamel xejn dwar dan kollu.

Bosta minna niftakru li meta l-Partit Laburista kien fl-Oppożizzjoni, fil-Parlament, kien ivvota kontra dan l-eżerċizzju ta’ razzjonalizzazzjoni. Dan iwassal għall-mistoqsija inevitabbli dwar jekk il-Partit Laburista bidilx fehmtu. Għax ħlief għal ftit kummenti waqt il-kampanja elettorali l-Partit Laburista qatt ma qal xejn dwar dan kollu. Dan xi jfisser? Għandna ninterpretaw in-nuqqas ta’ azzjoni mill-Partit Laburista fil-Gvern bħala qbil mal-eżerċizzju ta’ razzjonalizzazzjoni?

Sa fejn naf jiena, Alternattiva Deokratika biss indirizzat dan kollu waqt il-kampanja elettorali li għadha kif intemmet. Dan billi pproponiet li dawn it-tip ta’ permessi m’għandhomx joħorġu f’dawk il-lokalitajiet fejn hemm numru konsiderevoli ta’ proprjetajiet residenzjali vakanti.

Jidher imma li l-partiti fil-parlament issa bidlu r-rwol tagħhom. David Agius hu l-eżempju ovvju: meta l-partit tiegħu kien fil-Gvern jappoġġja l-ispekulazzjoni, u issa li qiegħed fl-Oppożizzjoni taparsi jappoġġja lir-residenti.

 

 

L-awtur hu Viċi Chairman ta’ Alternattiva Demokratika

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook