Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Malta ssir il-15-il pajjiż fl-UE li jirrikonoxxi ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess

  • Edwin Vassallo jivvota kontra u għalhekk l-Att ma tgħaddiex b'unanimità...d-Deputati tal-PN l-oħrajn jivvutaw favur
  • Dan kien it-tieni pass favur ugwaljanza minn Gvern Laburista wara l-introduzzjoni tal-Unjoni Ċivili

Albert Gauci Cunningham / 12 ta' Lulju 2017 19:37
Ugwali, legali u rikonoxxut; Żwieġ bejn koppji tal-istess sess f'Malta
Malta għadha kemm saret il-15-il pajjiż li llegalizza ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess, bil-Parlament ilejla jivvota biex l-Att li ressaq il-Gvern, li jagħmel kull tip ta' żwieġ legali issa jitressaq quddiem il-President tar-Repubblika u sussegwentement isir liġi. Malta tingħaqad mal-Olanda, ir-Renju Unit, il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, l-Iżlanda, l-Irlanda, il-Lussemburgu, in-Norveġja, il-Portugal, Spanja, l-Iżvezja u issa anke l-Ġermanja li lkoll għamlu l-għaqda bejn koppji tal-istess sess ugwali bħal dak bejn sessi differenti. 

F'pajjiżna kien lura għall-1973 li Gvern Laburista, għal darb'oħra, immexxi mill-PM Duminku Mintoff iddikriminalizza l-omosesswalità, biex fl-2014 Gvern Laburista mmexxi minn Joseph Muscat introduċa l-Att tal-Unjoni Ċivili li permezz tagħha koppji tal-istess sess għall-ewwel darba fl-istorja setgħet titntrabat b'mod formali u legali. Minn dakinhar sa April li għadda kien hemm 163 koppja li ntrabtu f'unjoni ċivili. Dawn issa se jkollhom id-dritt li japplikaw biex l-Unjoni Ċivili tkun formalment rikonoxxuta bħala żwieġ. 

Malta ssir il-15il-pajjiż li jintroduċi żwieġ bejn persuni tal-istess sess fl-UE
Il-wegħda ta' Unjoni Ċivili kienet saret fuq il-programm elettorali tal-Partit Laburista tal-2013, biex dik ta' żwieġ bejn persuni tal-istess sess kienet inkluża fil-programmi, kemm tal-PN kif ukoll tal-PL. Il-Partit Nazzjonalista kien qala' ħafna kritika għax astjena dwar il-Liġi tal-Unjoni Ċivili b'diversi forzi fil-partit, primarjament il-Viċi Kap Beppe Fenech Adami u d-Deputat Claudio Grech jesprimu oppożizzjoni qawwija ħafna għal dan il-pass. 

Intant fil-Parlament Edwin Vassallo sostna li hu prova jara kif se jsib kompromess miegħu nnifsu. "Ftakart li fil-manifest tal-PL kien hemm miktub li hemm bżonn ta' stat sekulari, imma jiena nemmen ukoll li filwaqt li persuna liberali ma tħallix il-kuxjenza fuq l-għatba tal-bieb. Persuna li tħoss mod ieħor m'għandhiex tagħmel.

Vassallo ddeskriva din il-liġi bħala "moralment inaċċettabbli u għalhekk se nivvota kontriha." Mistoqsi mill-midja jekk hux se jieħu passi kontra Vassallo l-Kap tal-PN li kien saħaq illi l-Grupp Parlamentari kellu jivvota favur qal biss li dik hija xi ħaġa li għad trid tkun deċiża aktar tard. Busuttil saħaq illi l-PN kellu jivvota favur din il-Liġi għalkemm fakkar ukoll li huma bosta dawk li jappertjenu liż-żewġ partiti li ma jaqblux ma' din il-liġi. 

Id-Deputat tal-PN Edwin Vassallo, l-unika Deputat li vvota kontra
 

 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook