‘Nista’ noffri lill-partit il-possibbiltà li nirbħu, u nerġgħu nirbħu u nerġgħu nirbħu’

“Jien qatt ma kont involut f’xi allegazzjonijiet, fondati jew mhumiex, u din naħseb li hija xi ħaġa importanti anke fil-klima tal-lum”...Ara l-intervista sħiħa tal-ILLUM ma' Chris Fearne.... 

 

Chjris Fearne, kontestant għall-kariga ta' Deputat Mexxej tal-Partit Laburista
Chjris Fearne, kontestant għall-kariga ta' Deputat Mexxej tal-Partit Laburista

It-tellieqa għall-kariga ta’ deputat mexxej għall-affarijiet tal-Parlament fi ħdan il-Partit Laburista bdiet nhar il-Ħamis li għadda hekk kif intemm il-perjodu ta’ nominazzjonijiet għal din il-kariga. Fil-fatt, huma tlieta l-persuni li tefgħu n-nomina tagħhom bit-tama li bejn il-Ħamis 13 u s-Sibt 15 ta’ Lulju jiġu eletti u sussegwentement maħtura deputat Prim Ministru. Tliet kandidati, it-tlieta li huma ministri li reġgħu ġew afdati bid-dekasteri li kellhom tul il-leġiżlatura li għaddiet, u li tista’ tgħid kellhom rekord ta’ suċċessi fil-ħidma tagħhom fis-snin li għaddew. Għaldaqstant, din il-gazzetta bdiet tistaqsi x’inhuma dawk il-kwalitajiet li jagħmlu lil kull wieħed minn dawn il-kandidati, ideali għall-kariga.

Il-gazzetta ILLUM bdiet b’intervista mal-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne biex tistaqsih dwar l-aspirazzjonijiet tiegħu u xi jkunu l-prijoritajiet tiegħu jekk ikun elett f’din il-kariga.

 

Kif għamilna 25 sena ma nirbħux, issa nistgħu nsiru l-Partit tal-Gvern

Chris Fearne saħaq li l-Partit Laburista qiegħed probabbilment fl-iktar punt b’saħħtu fil-100 sena storja tiegħu. “Għadna kemm irbaħna żewġ elezzjonijiet b’maġġoranza storika, u jidhirli li kif għamilna 25 sena ma nistgħux nirbħu elezzjoni u meqjusin bħala l-partit tal-oppożizzjoni, issa għandna l-possibbiltà nkunu l-partit tal-Gvern.” Hekk sostna l-Ministru tas-Saħħa Fearne, dwar il-viżjoni għall-Partit Laburista, fejn żied jgħid li l-Partit għandu jagħmel ġenerazzjoni sħiħa rebbieħa, “mhux l-elezzjoni li ġejja biss, imma possibbilment anke ta’ wara, u nkunu għamilna 15, 20 sena fil-Gvern. Illum, il-PL qiegħed fil-pożizzjoni li jista’ jaspira li jagħmel żmien konsiderevoli fil-Gvern.”

Għaldaqstant, kompla jgħid Fearne, il-viżjoni fit-tul tal-Partit, tkun tista’ titwettaq, b’valuri bħall-eradikazzjoni tal-faqar, li Malta tkun soċjetà ġusta, li kulħadd ikollu aċċess għas-saħħa u l-edukazzjoni eċċellenti mingħajr ħlas.

Insista li din hi viżjoni li l-Partit jista’ jaħdem fuqha fuq 20 sena u bħala kandidat għall-kariga tat-tieni wieħed fit-tmexxija wara l-Prim Ministru, saħaq li għandu l-enerġija, il-ħeġġa u l-kwalifiċi, “biex inkun wieħed mill-mexxejja li jieħu lill-Partit Laburista f’dan il-perjodu ta’ Gvernijiet. Bħala deputat mexxej, jiena nista’ noffri lill-Partit il-possibbiltà li nirbħu, u nerġgħu nirbħu u nerġgħu nirbħu.” Jispjega li dan jgħidu minħabba tliet raġunijiet, billi l-ewwel nett jinsisti li l-kompetenza tiegħu, hu wrieha bil-fatti, kemm fil-ħajja professjonali bħala kirurgu ta’ suċċess, u anka fil-ħajja politika, “meta l-Prim Ministru afdali Ministeru kbir bl-ikbar nefqa tal-Gvern, u reġa’ fdahuli. Bdejna minn sitwazzjoni fejn il-qasam kien qed ifalli u f’temp relattivament qasir, dawwarnieh f’settur li llum kulħadd jirrikonoxxi li huwa ta’ suċċess.”

 

‘Meta għidt li l-PL se jirbaħ b’40,000 vot irredikolawni, imma kelli raġun’

Fearne, li fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet kien l-iktar kandidat li kiseb voti wara l-mexxejja tal-Partiti, b’iktar minn 10,000 vot fuq żewġ distretti, insista li sabiex tibqa’ tirbaħ l-elezzjonijiet, trid tkun ‘electable’. Saħaq li bir-riżultat personali li kiseb fl-aħħar elezzjoni wera li għandu bażi soda ta’ fiduċja mill-kostitwenti, u li jappella għal bażi wiesgħa ta’ eletturi, mhux biss Laburisti. “Biex partit jirbaħ u jibqa’ jirbaħ, jeħtieġ li jkollu l-grupp ta’ votanti tiegħu imma mhux biss. irid ikun jappella wkoll lil dawk li jinsabu fin-nofs, il-floaters u s-switchers,” sostna Fearne.

Bħala kredenzjali li Fearne isostni li għandu li jagħmluh ideali għall-kariga ta’ deputat mexxej hi li hu bniedem integru u serju, għaliex “jien qatt ma kont involut f’xi allegazzjonijiet, fondati jew mhumiex, u din naħseb li hija xi ħaġa importanti anke fil-klima tal-lum, u minbarra dan, naħdem tajjeb ħafna mal-Prim Ministru li reġa’ fdali Ministeru importanti li kien fih il-problemi.”

L-esperjenza ta’ Marlene u speċjalment Godfrey Farrugia, li ġurnata kienu ma’ partit u l-għada stenbħu ma’ partit ieħor, lill-votanti Laburisti dejqithom u l-vot tagħhom qed jippreferu jagħtuh lill-kandidati li għandhom għeruq sodi fil-PL Il-Ministru Chris Fearne

Chris Fearne kompla jgħid li kwalità oħra li tagħmlu ideali għall-kariga hi li huwa qrib in-nies. Filwaqt li jgħid li l-fatt li huwa tabib, jgħinu jkun qrib in-nies kontinwament, u qal kif, “inħoss il-polz tan-nies u tal-politika. Fil-fatt, kont l-uniku persuna li għidt b’mod pubbliku u ripetut li l-PL se jirbaħ l-elezzjoni b’40,000 vot. Meta kont għidtha, pruvaw jirredikolawni, imma rriżulta li kelli raġun.”

Insista li hu għandu l-ħeġġa, enerġija u determinazzjoni biex mhux biss ikun parti mit-tmexxija tal-Partit għal sentejn jew tlieta, imma “nista’ nieħu l-partit minn rebħa għall-oħra, anke għal numru ta’ rebħiet.”

 

‘Meta tkun isfel, l-unika triq hi ’l fuq...meta tkun fuq, l-unika triq hi ’l isfel’

Mistoqsi minn din il-gazzetta x’jista’ jagħti iktar lill-Partit, jekk kif qal hu stess, jinsab fl-aqwa żmien tiegħu, Fearne dlonk wieġeb li hu jrid jagħti kontinwità lill-Partit fuq medda ta’ snin. “Nemmen li lill-Partit nista’ noffrilu mhux biss perjodu qasir ta’ snin imma noffrilu perjodu ta’ 15, 20 sena,” sostna Fearne. Kompla jgħid li l-ikar ħaġa diffiċli, partikolarment fil-politika hi li meta tkun qed tirbaħ, tkompli tirbaħ. Xogħli flimkien mal-Prim Ministru u l-istrutturi tal-partit ikun li nżomm il-Partit jirbaħ. “L-agħar ħaġa li nistgħu nagħmlu hi li ngħidu issa rbaħna, u jiġri li jrid wara li jgħaddu dawn il-ħames snin. Importanti li nibqgħu nżommu l-Partit rebbieħ u jibqa’ jiġġedded. Meta tkun isfel, l-unika triq hija ’l fuq, imma rridu noqogħdu attenti għax meta tkun fuq, l-unika triq hi ’l isfel,” insista Fearne waqt li jisħaq li huwa għandu kredenzjali progressivi.

 

‘Ir-riżultat personali tal-elezzjoni mlieni kuraġġ biex nikkontesta’

It-tmexxija tal-Partit Laburista kellha post vakanti fit-tmexxija tagħha ftit iktar minn sena ilu meta kien hemm l-elezzjoni għad-deputat mexxej għall-affarijiet tal-Partit. Għaldaqstant, din il-gazzetta tistaqsi għalfejn issa, u għalfejn din il-kariga.

Għal dan, Fearne jibda billi jgħid li ż-żewġ karigi huma differenti ferm minn xulxin. Iżda lil hinn minn dan, sostna li kien importanti ferm ir-riżultat elettorali li kiseb tliet ġimgħat ilu. “Qabel l-elezzjoni, jien kont għidt li jekk jiena nitla’ miż-żewġ distretti u nitla’ b’mod komdu, nikkunsidra li nitfa’ l-kandidatura tiegħi għal deputat mexxej. Li tlajt minn żewġ distretti, mal-ewwel għadd b’iktar minn 10,000 vot, tagħtni s-saħħa u mlietni bil-kuraġġ biex nieħu dan il-pass,” saħaq Fearne li żied jgħid li l-kariga ta’ deputat Prim Ministru hi kariga ta’ responsabbiltà kbira li flimkien mal-Prim Ministru, tkun qed tmexxi l-pajjiż.

 

‘Għandi l-enerġija nibqa’ għaddej minn tal-inqas 10 snin oħra’

Ir-riżultat elettorali, jibgħat diversi messaġġi lill-partiti, kemm dak fil-Gvern kif ukoll l-Oppożizzjoni. Allura, x’inhuma l-messaġġi li Chris Fearne jaħseb li bagħat l-elettorat fl-aħħar elezzjoni?

“Il-poplu ried il-kontinwità u li nkomplu l-proġetti li bdejna erba’ snin ilu,” beda jwieġeb Fearne, waqt li sostna li “lest biex noffri din il-kontinwità mhux biss mil-leġiżlatura li għaddiet għal din, imma anke għal-leġiżlaturi sussegwenti, għaliex għandi l-enerġija biex nibqa’ għaddej minn tal-inqas 10 snin oħra.”

Se nagħmel ħilti biex lil Joseph Muscat nibdillu fehemtu u jibqa’ mexxej Il-Ministru Chris Fearne

It-tieni messaġġ li Fearne jemmen li l-elettorat bagħat fl-aħħar elezzjoni, kien dak li qegħdin jippreferu iktar lill-kandidati li għandhom għeruq sodi fil-PL. “L-esperjenza ta’ Marlene u speċjalment Godfrey Farrugia, li ġurnata kienu ma’ partit u l-għada stembħu ma’ partit ieħor, lill-votanti Laburisti dejqithom u l-vot tagħhom qed jippreferu jagħtuh lill-kandidati li għandhom għeruq sodi fil-Partit Laburista. Il-messaġġ deher u kien hemm anke numru ta’ kandidati li kellhom sfond differenti, li marru inqas tajjeb milli stennew huma stess,” sostna Fearne.

 

Rivalitajiet distrettwali: ‘purament elettorali’

Bħala deputat mexxej, wieħed ikun irid iżomm kuntatt dirett mal-grupp parlamentari kollu, għaldaqstant din il-gazzetta tistaqsi kif inhi r-relazzjoni tiegħu mal-bqija tad-deputati Laburisti. “Mal-grupp parlamentari kollu għandi relazzjoni tajba ħafna. Ovvjament, minħabba s-sistema elettorali tagħna, wieħed ikollu jiġġieled għall-istess grupp ta’ voti fuq id-distrett tiegħu, allura f’kull distrett ikun hemm ir-rivalitajiet, imma huma rivalitajiet purament elettorali u qatt ma marret lil hinn minn hekk. L-għada tal-elezzjoni, dawn ir-rivalitajiet ikunu spiċċaw,” sostna Fearne.

L-agħar ħaġa li nistgħu nagħmlu hi li ngħidu issa rbaħna, u jiġri li jrid wara li jgħaddu dawn il-ħames snin. Importanti li nibqgħu nżommu l-Partit rebbieħ u jibqa’ jiġġedded Il-Ministru Chris Fearne

 

Mexxej tal-Partit? ‘Għadu kmieni wisq biex nitkellmu fuq hekk’

Il-Prim Ministru Joseph Muscat għamilha ċara żmien ilu li mhux se jkun qed jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss hekk kif se jkun qed jirtira mill-politika lokali. B’hekk, il-Partit Laburista, fi ftit snin se jkun qed jibda t-tfittxija tiegħu għall-kap il-ġdid, u għaldaqstant, din il-gazzetta tistaqsi lil Fearne jekk din hix kariga li tinteressah u jekk fil-fatt, il-kariga ta’ deputat mexxej u deputat Prim Ministru hix biss il-pass ta’ qabel ikun mexxej. Għal dawn il-kummenti, Fearne kien kawt u qal li l-kariga li tefa’ n-nomina għaliha hi “iżolata minn kull kariga li jista’ jkun hemm fil-futur.” Jgħid kif wieħed irid jistenna u jara x’se jkun qed isir fil-futur għaliex, “jiena personalment se nibqa’ nħeġġeġ lil Joseph biex jibqa’ Prim Ministru, però dak ikun kuntest totalment separat.” Jgħid dan filwaqt li jitfa’ dubju jekk il-fatt li persuna tkun fil-kariga ta’ deputat mexxej isservix ta’ vantaġġ jew deterrent, għaliex il-votanti kapaċi jkunu jridu bidla kompleta. B’insistenza fuq il-mistoqsija dwar jekk tinteressahx il-kariga ta’ mexxej tal-Partit, Fearne jgħid li għadu kmieni wisq biex jitkellem fuq hekk, waqt li insista li se jagħmel ħiltu biex lill-Prim Ministru jbiddillu fehemtu u jibqa’ mexxej.

 

Minn segretarju tal-banda tal-Partit għal Ministru, u forsi Deputat PM?

Il-Ministru Fearne jirrakkonta l-bidu tiegħu fi ħdan il-Partit Laburista, għaliex minkejja li dik tal-2013 kienet l-ewwel elezzjoni ġenerali li kkontesta fiha, l-għeruq tiegħu fil-Partit imorru ferm lil hinn minn erba’ snin ilu. Fil-fatt, Fearne jirrakkonta li l-ewwel involviment tiegħu fil-Partit Laburista kien meta kellu 14-il sena, meta minħabba restrizzjonijiet tal-Partit li ma kinux jippermettu żgħażagħ ta’ inqas minn 16-il sena li jissieħbu membri, kellu jsib mezz ieħor ta’ kif ikun involut. “Jien minn dejjem kont interessat fil-politika, u billi kelli nistenna sa 16-il sena biex insir membru, kont bdejt bħala segretarju u nieħu ħsieb il-minuti tal-banda tal-Partit meta kelli 14 jew 15-il sena,” spjega Fearne, li kompla jgħid kif imbagħad ingħaqad fl-eżekuttiv tal-għaqda taż-żgħażagħ tal-Partit Laburista. Chris Fearne spjega kif meta daħal l-Università biex ikompli bl-istudji tiegħu ta’ tabib, issieħeb fl-għaqda tal-istudenti Studenti Ħaddiema Progressivi Università, li iktar tard saret dik li llum nafuha bħala l-għaqda studenteska Pulse, u dan minbarra attiviżmu fl-għaqda tal-istudenti tal-mediċina u fil-KSU, li kien jinkludi diversi membri li llum għamlu isem għalihom innifishom bħal Ċensu Galea, Michael Frendo, Francis Zammit Dimech, Carmel Cacopardo u anke dak li llum huwa l-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna.

Eventwalment, daħal fl-eżekuttiv tal-Partit Laburista wara li ġie lura Malta meta sar tabib tat-tfal u kompla bl-istudji tiegħu fl-Ingilterra.

More in Politika