Bosta Nazzjonalisti jħeġġu lil Callus biex jikkontesta għal Viċi Kap tal-PN

Ryan Callus jikkonferma dan mal-illum.com.mt, imma jisħaq li....

Id-Deputat Ryan Callus, b'appoġġ fost l-għeruq tal-PN għal kariga ta' Viċi Kap
Id-Deputat Ryan Callus, b'appoġġ fost l-għeruq tal-PN għal kariga ta' Viċi Kap

Dan is-sit jista' jiżvela kif huma bosta dawk l-attivisti fl-għeruq tal-Partit Nazzjonalista li qed iħeġġu lid-Deputat mis-Siġġiewi Ryan Callus biex jikkontesta waħda mill-karigi ta' Viċi Kap tal-PN, liema karigi se jkunu battala wara r-riżenja ta' Beppe Fenech Adami u Mario De Marco. Dan is-sit huwa infurmat li l-istess Callus, illi fl-aħħar elezzjoni kiseb 3,027 vot mis-sitt Distrett u għalhekk kien l-aktar popolari fost il-kandidati tal-PN hawnhekk, qed jikkunsidra dawn it-talbiet mingħand bosta fil-PN. 

F'kuntatt li dan is-sit għamel ma' Callus huwa ikkonferma illi qed ikunu bosta dawk fil-partit li qed jħeġġuh biex jikkontesta għall-Viċi Kap tal-PN, għalkemm sostna wkoll li f'dan l-istadju qed jisma' u jiżen u għadu mhux qed jikkunsidra li jikkontesta. Fakkar illi għalissa l-aktar elezzjoni importanti fi ħdan se tkun dik ta' Kap tal-partit. 

Ryan Callus, minkejja li huwa wieħed mill-uċuħ relattivament ġodda fil-PN huwa meqjus bħala politiku li bena bosta pontijiet fil-qasam tal-ambjent u l-ippjanar, hekk kif kien jirrapreżenta lill-PN fil-Awtorita tal-Ippjanar. Callus huwa meqjus ukoll bħala politiku li għandu preżenza f'dibattiti televiżivi u pubbliċi wkoll. 

More in Politika