Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia ma jingħatawx rwoli fil-grupp Parlamentari tal-PN

David Agius iżomm postu bħala whip u Claudette Buttigieg bħala deputat speaker

Il-Partit Nazzjonalista ħabbar l-irwoli li se jkunu qed jokkupaw il-membri tal-grupp Parlamentari tiegħu fil-leġiżlatura li mistennija tibda nhar is-Sibt li ġej. Id-deputata Nazzjonalista Claudette Buttigieg li fl-aħħar leġiżlatura serviet ta' shadow minister għas-saħħa se tkun qed tieħu l-kariga ta' deputat speaker, hekk kif Ċensu Galea, li serva f'din il-kariga għal ħafna snin, ma reġax xi elett.

Il-whip tal-grupp Parlamentari Nazzjonalista se jibqa' rwol tad-deputat David Agius. Id-deputat mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Beppe Fenech Adami se jkun qed iservi bħala chairman tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi, flimkien mal-irwol tiegħu għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.

Id-deputati tal-Partit Demokratiku li telgħu f'isem il-PN, Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia ma ngħatawx rwol fi ħdan dawn l-oqsma. Fil-fatt, fi stqarrija, l-Partit Nazzjonalista qal li għada l-Ġimgħa se jkun qed jiddiskuti d-deċiżjoni tal-PD li Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia jiffurmaw parti mill-Grupp Parlamentari tal-Oppożizzjoni.

Fi stqarrija, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li b'dawn id-deċiżjonijiet li ħa, se jassigura li sa mill-ftuħ tal-Parlament nhar is-Sibt li ġej, il-Partit Nazzjonalista se jippreżenta Oppożizzjoni b'saħħitha u effettiva, kemm fil-Kamra tad-Deputati u lil hinn minnha.

Intant, dawn huma l-irwoli li ngħataw fil-Parlament, id-deputati Nazzjonalisti tal-Oppożizzjoni.

 

More in Politika