‘Il-poplu Malti ma kellux għażla għax l-oppożizzjoni kellha ħafna x’taħbi wkoll’ – Fabio De Masi

Il-Viċi Ċerman tal-kumitat tal-PANA jgħid li Malta hi rifuġju fiskali

Waqt is-seduta plenarja fi Strasburgu dwar il-PANA papers kien hemm diversi membri parlamentari Ewropej li kkritikaw lil gvern Malti, anke jekk l-attendenza kienet biss ta’ 46 membru mis-751 membru Parlamentari u tkellmu fiha biss 5% mill-membri Parlamentari.

Il-maġġoranza minnhom kienu ġejjin mill-partiti l-ħodor u mill-PPE fejn L-attakki fuq Muscat u Malta ngħataw in-nar mill-president tal-PPE Manfred Webber li filwaqt li awgura lill-Prim Ministru Malti għar-rebħa elettorali li skont hu f’kompetizzjoni iebsa (ma nafx jekk kienx jaf eżatt ir-riżultat aħħari għax bħal speċi ta indikazzjoni li kienet xi rebħa ‘photo finish’). Lil Muscat fakkru wkoll fil-fatt li fil-passat kien kontra d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. “Irbaħt l-elezzjoni iżda għad hemm ħafna mistoqsijiet,” sostna Webber.

Iżda l-aktar kumment differenti mill-oħrajn kien dak tal-viċi ċerman tal-kumitat PABA  Fabio De Masi li hu Ġermaniż u ġej mill-partit tal-ħodor. Dan qal li Malta hi rifuġju fiskali sħiħ, fejn indirizza lil prim ministru Malti hekk; “Int erġajt ġejt elett għax il-poplu ma kellux għażla, għax l-oppożizzjoni kellhom ħafna x’jaħbu wkoll.”

Għalkemm l-akbar attakk sar mill-membru Ewropew tal-PPE Werner Langen li hu ċ-ċerman tal-PANA fejn il-membru Parlamentari Ġermaniż li qabel l-istess seduta deher jitkellem ma’ David Casa allega wkoll li Joseph Muscat rebaħ l-elezzjoni, “għax xtrajtu l-voti għax hekk qed jgħidu.”  Attakka lil Keith Schembri għax injora l-Parlament Ewropew u ma marx iwieġeb quddiemhom u b’ċertu rabja ħares lejn il-Prim Ministru, “tista’ tindħal kemm trid, imma mhux se nħallik kwiet u se nkompli nsegwik anke jekk xtrajtu l-voti biex irbaħt l-elezzjoni għax hekk qed jgħidu.”

Dwar Langen Muscat qal lill-ġurnalisti wara d-dibattitu, “Langen m’għandix problema li jsegwini, ir-risposta nagħtihielu meta jkollna r-rapport tal-inkjesta u nurih kemm kien żbaljat. Niskanta kif Langen jiġi hawn jirrapporta dwar fake news li dehret fil-media soċjali.”

Fost Membri oħra li tkellmu f’din il-plenarja kien hemm dawn:

Jeppe Kofad tal-S&D qal li l-parlament Ewropew mhux il-post fejn kellu jiġi diskuss il-Panama Papers u temm bis-sentenza, “Fatti mhux akkużi”.

Bernd Lucke tal-ECR ilmenta billi qal li dan id-dibattitu kellu jsir qabel l-elezzjoni ta’ Malta ħalli l-poplu seta’ jkun jaf il-verità qabel ivvota.

Jezec Petr mill-ALDE qal lill-Prim Ministru Malti, “li kont president tal-Kunsill Ewropew l-istituzzjoni kienet tkun aktar dgħajfa.”

Sven Giegold mill-ALE semma’ l-fatt li Ninu Zammit, Keith Schembri u Brian Tonna għandhom jidhru quddiem il-kumitat u s’issa dawn irrifjutaw.

David Coburn mill-EFDD iddefenda lil Malta, “dibattitu sħiħ tattakkaw lil dan il-pajjiż żgħir. U mhux tattakkaw l-aġenda moħbija li joħolqu unjoni ta’ taxxi fuq iċ-ċittadin. Għalhekk aħna l-Ingliżi vvutajna biex nitilqu minn magħkom.”

Barbara Kappell mill-ENF qalet li Malta qiegħda fuq quddiem fl-ekonomija għax hi bbażata fuq vantaġġi fiskali.

Lampros Fountgulis mill-NI qal li l-korruzzjoni mhux f’Malta biss teżisti u għandha tkun Malta stess li tistħarreġ dawn l-akkużi għax il-Parlament Ewropew mhux imħallef.

 

More in Politika