Agius Muscat jappella biex fid-dawl tas-suċċessi fit-turiżmu xorta nibqgħu innovattivi

Aguis Muscat jitkellem dwar l-isfidi u l-proġetti li l-MHRA qegħda twettaq b'ħidma mal-Ministeru

Is-CEO tal-MHRA Andrew Agius Muscat f'kummenti ma' dan is-sit iddeskriva s-suċċess li ilu jikseb pajjiżna f’dawn l-aħħar snin bħala ‘djamant li jeħtieġ inkomplu nnaddfu u nsebbħu’. Fil-fatt, l-aħħar figuri dwar it-turiżmu f’Malta juru li fl-ewwel tliet xhur tas-sena biss, jiġifieri fix-xhur xitwin ta’ Jannar, Frar u Marzu, kien hemm żieda ta’ kważi kwart fuq l-ammont ta’ turisti li ġew fl-ewwel kwart tal-2016. Agius Muscat, minkejja dan is-suċċess tal-preżent iwissi sabiex dan ma jitteħidx bħal skontat. “Irridu nkomplu naħdmu biex intejbu dak li għandna, u naħdmu fost l-oħrajn fuq swieq ġodda.” Iżid jgħid, li minkejja s-suċċess wieħed ma jistax jieqaf jaħdem u sempliċiment jifraħ b’dak li nkiseb s’issa u tieqaf hemm, iżda jeħtieġ li dak li jkun jerġa’ joħloq lilu nnifsu mill-ġdid u jara kif jibqa’ innovattiv.

‘L-infrastruttura tibqa’ problema kbira’

Agius Muscat jitkellem dwar l-infrastruttura bħala problema ewlenija li jħabbtu wiċċhom magħha l-bosta persuni li jkollhom x’jaqsmu mal-qasam tat-turiżmu. Jispjega kif fil-fatt, meta wieħed jitkellem dwar infrastruttura jkun qed jinkludi kull aspett li wieħed jiġi bżonn sabiex minn post jirnexxielu jasal f’post ieħor, kemm toroq, trasport pubbliku u servizzi. “Meta qed nitkellmu fuq l-infrastruttura, mhux qed ngħidu li terġa’ tagħti ftit tarmak lill-wiċċ tat-triq, imma li terġa’ toħloq mod ġdid li bih wieħed jivvjaġġa u l-aċċessibbiltà tas-servizz kollu,” qal Agius Muscat.

Proġetti ta’ tisbieħ permezz tal-eko-kontribuzzjoni

Meta kien qed jitkellem imbagħad dwar l-eko-kontribuzzjoni li turisti jħallsu lil hinn mir-rati tal-lukandi, Andrew Agius Muscat sostna li dawn il-flus se jkunu qed jintużaw sabiex isiru ċerti proġetti ta’ tisbieħ. “Diġà bdejna bil-ħidma mal-Ministru sabiex nagħmlu proġetti ta’ tisbieħ, u ntejbu ċertu pjazez u żoni, u anke ntejbu prodotti partikolari li diġà jeżistu mmirati għan-niċeċ turistiċi partikolari. Minbarra dan, għandna ideat u proġetti ġodda li qegħdin naħdmu fuqhom flimkien mal-Ministru,” sostna l-Kap Eżekuttiv. Dan waqt li kompla jgħid li ma tistax tagħmel proġetti mingħajr ma jkollok viżjoni, għaliex finalment Malta kollha hi żona turistika waħda.

Aqra l-kummenti ta' Agius Muscat mal-ILLUM dwar l-Airmalta hawnhekk. 

More in Politika