'Jekk mhux ipokrita, Simon Busuttil għandu jkeċċi lil Beppe Fenech Adami'

Joseph Muscat jerġa' jfakkar li Beppe Fenech Adami 'huwa kompliċi u nvolut fuq każ ta' ħasil ta' flus ġejjin mid-droga' u jgħid li bl-istess kejl ta' Busuttil, dan għandu jitkeċċa

Dalgħodu fil-Qala, il-Prim Ministru Joseph Muscat reġa' qajjem il-każ ta' Beppe Fenech Adami, li żvela lbieraħ hekk kif dan jirriżulta li qed ikun investigat mill-FIAU fuq każ li huwa marbut ma' ħasil ta' flus mid-droga. Muscat reġa' sostna li hu talab parir biex jara jekk jistax jara rapport tal-FIAU dwar il-każ tal-kumpanija Capital One. Wara li ngħata l-parir biex jara l-parti tar-rapport li kienet issiġġillata, huwa sostna li minn dak li ra, isem Beppe Fenech Adami, Viċi Kap tal-PN u eks Segretarju Parlamentari fil-Gvern immexxi minn Lawrence Gonzi,  tfaċċa f'konessjoni ma' ħasil ta' flus ġejjin mid-droga. 

"Jekk m'intix ipokrita, keċċi lil Beppe Fenech Adami għax issa taf li qed jiġi investigat. Bl-istess kejl tiegħek eżatt, Beppe Fenech Adami m'għandux jibqa' fil-politika." 

Intant Muscat kompla jsostni li "matul l-erba' snin li għaddew dak li wegħedna wettaqnieh u jekk eletti fil-ħames snin li ġejjin se nerġgħu nwettquh," filwaqt li għamel elenku ta' proposti fil-manifest tal-Partit Laburista, mill-pensjonijiet, għal dawk biex jgħinu lil min jixtieq jixtri l-proprjetà u żieda fiċ-children's allowance, żied jgħid li, "dawn huma kollha proposti li intom tistgħu sserħu raskhom li se jitwettqu, bħal ma wettaqna dak li wiegħdna."

L-uniku assigurazzjoni li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma jibqgħu irħas huwa dan il-Gvern għax Busuttil diġa qal li lest idawwar is-sistema tal-enerġija lura għal dik li taħdem biż-żejt Joseph Muscat

"L-uniku assigurazzjoni li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma jibqgħu irħas huwa dan il-Gvern għax Busuttil diġà qal li lest idawwar is-sistema tal-enerġija lura għal dik li taħdem biż-żejt," qal Muscat. 

Muscat fakkar li l-Partit Laburisata se jkun qed jagħti l-flus lil min iġib ix-xogħol f'Għawdex mhux lil min irird imur jgħix f'din il-gżira. Muscat tkellem ukoll fuq il-mina u staqsa, "lil min tista' tafda biex jibniha? Lil min bena l-junction tal-Kappara fiż-żmien, jew min għamel 20 sena jibni l-moll taċ-Ċirkewwa?"  

Huwa qal li l-elezzjoni hija dwar il-futur u dwar il-pjani tal-pajjiż, mhux dwar it-tajn. "Tafu fejn qegħdin magħna anke fuq il-kaċċa. magħna tafu fejn qegħdin anke jekk il-poplu maqsum minn nofs. Talli ħriġt għonqi fuq din il-kwistjoni, ma qlajtx grazzi u lanqas pretendejt, imma mxejt ma' dak li nemmen jien." 

Mingħajr l-investiment fl-isptar ta' Għawdex, addio Barts f'Għawdex

Dwar l-isptar ġenerali ta' Għawdex, Muscat qal li huwa Simon Busuttil biss li huwa kontra l-Isptar. "Staqsu lil tar-ristoranti, lil tal-lukandi u lil min għandu appartament. Hu biss għadu kontra dan il-proġett għax issa anke l-MAM iffirmaw ftehim biex nimxu 'l quddiem. Jien lill-ħaddiema inwissihom li mingħajr dak l-isptar, Barts titlaq u addio xogħol u investiment," sostna Muscat. 

Ħames darbiet sfidajtu fuq Xarabank u dejjem ħarab jiġri

Intant kif ilu jagħmel għal dawn l-aħħar ġimagħtejn il-PM u Mexxej Laburista reġa' sfida lill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN biex jekk m'għandux x'jaħbi, jgħid x'jagħmel jekk jirriżulta li l-allegazzjoni dwar Egrant kienet gidba. "Jien għidtlu li jekk jinsab ħjiel ta' verità, jien nitlaq mill-ewwel, għandi l-kuxjenza tiegħi nadifa...imma int li qed tibni kollox fuq din il-gidba trid terfa' r-responsabilità tal-ħsara li qed tipprova tagħmel lil pajjiżna għall-vantaġġ politiku tiegħek. Ħames darbiet sfidjatu u ħames darbiet ħarab jiġri. Qed jibża' u qed jikkonferma kemm qiegħed jigdeb."

More in Politika