‘Il-ħniżrijiet li saru taħt il-PN, għadhom iridu jinkitbu kotba dwarhom’

Joseph Muscat qal li min ma jivvutax għall-PL, ikun qed jiddeċiedi li jrid lil Simon Busuttil bħala Prim Ministru

ritratt: Chris Mangion
ritratt: Chris Mangion

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li min nhar it-3 ta’ Ġunju ma jivvutax għall-Partit Laburista, ikun qed jiddeċiedi li jrid lil Simon Busuttil bħala Prim Ministru tal-pajjiż, waqt li qal li l-PL qed jitkellem fuq proposti bil-prinċipji tal-mobbiltà soċjali, il-ġustizzja soċjali, l-ugwaljanza u l-għaqda, li fuqhom huwa mibni l-programm elettorali, “waqt li ħaddieħor jitkellem biss fuq il-korruzzjoni.”

Waqt li kien qed jindirizza attività politika fis-Siġġiewi, Muscat għamel aċċenn għall-kummenti li għadda l-kandidat Nazzjonalista Salvu Mallia, li sostna li ż-żewġ partiti huma korrotti. Saħaq kif huwa minnu li l-Gvern għamel l-iżbalji tiegħu matul l-aħħar erba’ snin, iżda saħaq li ħadd daqsu ma ħa passi daqs kemm ħa hu bħala Prim Ministru. Żied jgħid li minkejja li ma jaqbilx ma’ dak li qal Mallia, “il-ħniżrijiet li saru taħt il-Partit Nazzjonalista, għadhom iridu jinkitbu kotba dwarhom.”

Dwar il-kumment ta’ Mallia li, “qal li għandu dmir li jobgħodni, jien bħala Prim Ministru, għandi d-dmir li nirrispetta u nħobb lil kulħadd.”

Muscat saħaq li l-Partit Nazzjonalista, fil-manifest li ħareġ għaxart ijiem qabel l-elezzjoni, għamel għadd ta’ żbalji. Irrimarka kif il-PN qed jipproponi li żgħażagħ ta’ 16-il sena jibdew jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, meta dawn diġà vvutaw fl-elezzjoni tal-2015.

Muscat temm jgħid li l-verità hi li “dawn m’għandhomx idea kif tmexxi pajjiż. Din hi kwistjoni serja għax jiddependu fuqhom il-postijiet tax-xogħol.”

More in Politika