Il-ħolqien tax-xogħol jibqa' l-forte ta' Muscat...43% tal-floaters għadhom indeċiżi

Skont żewġ sondaġġi: 46% jemmnu li Muscat huwa l-aħjar PM biex jinħoloq ix-xogħol...indeċiżjoni fost dawk li biddlu l-vot aktar minn darba

Disat ijiem qabel il-poplu jmur jivvota, l-aħħar sondaġġi juru li l-ħolqien tax-xogħol jibqa' l-forte ta' Muscat. Matul dawn l-erba' snin il-qgħad niżel f'livelli baxxi li jikkumpara biss mas-snin 90 u s-settur tal-impjiegi kien jikkumpara sew mal-aktar pajjiżi ekonomikament b'saħħtihom fl-Unjoni Ewropea. 

Skont stħarriġ li sar mill-istatistiku u Riċerkatur Vincent Marmara u li kien ippublikat fuq it-Torċa ta' nhar il-Ħadd li għadda, jirriżulta li 1.2% ta' dawk li wieġbu għall-mistoqsijiet tal-istħarriġ jemmnu illi Gvern Laburista ħoloq klima tajba biżżejjed li wassal għall-ħolqien tax-xogħol. Aktar minn hekk, mis-600 persuna li pparteċipaw 46.1% jemmnu li Muscat huwa l-aħjar mexxej mit-tnejn biex joħloq ix-xogħol. Minn naħa l-oħra huma 17.5% biss li jħossu li Simon Busuttil huwa l-aħjar formola biex jinħoloq ix-xogħol. 

Minkejja dan, fi stħarriġ ieħor li kien ippubblikat fuq il-gazzetta Maltatoday jirriżulta li kemm Muscat u anke Busuttil għad għandhom ħafna x'jaqdfu jekk iridu jassiguraw rebħa. Xejn inqas minn 43.3% ta' dawk li qalbu l-vot tagħhom iktar minn darba għadhom mhux deċiżi dwar lil liema partit se jivvutaw. Dan is-settur ta' votanti jirrapreżenta 10% tat-total tal-votanti u fost dawn il-PL jinsab f'vantaġġ ta' 1% biss. 

Minn fost dawk li biddlu l-vot darba biss, li jirrapreżentaw 37% ta' dan is-settur, il-Partit Laburista għandu vantaġġ qawwi ta' 18%. 

More in Politika