Il-kandidati nisa f'din l-elezzjoni - Helena Dalli u Janice Chetcuti

Għalfejn Simon? Għalfejn Joseph? Il-kandidati nisa jispjegaw

Helena Dalli

 

Isem:   Helena Dalli

Età:      54       

Distretti: 2 u 3

Professjoni: Soċjologa

 

X’ġiegħlek tidħol fil-politika?

Il-vokazzjoni li nagħmel il-ħajja tan-nies aħjar u nmexxi lill-pajjiż ’il quddiem

Fuq xiex ser tkun qed taħdem jekk tiġi eletta?

Skont xi rwol jagħtini l-Prim Ministru

Bħala kandidata mara, x’temmen li għandu jsir biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-mara f’kull livell, partikolarment f’dak politiku?

Sakemm jiġi indirizzat id-defiċit qawwi li hemm, irridu nużaw l-għodda tal-kwoti.

Għaliex għandu jirbaħ il-Partit Laburista?

Għax għandna track record ta' xogħol tajjeb li hemm bżonn inkomplu nibnu fuqu.

Għaliex m’għandux jirbaħ il-Partit Nazzjonalista?

Il-proposti tagħna huma aħjar u costed, u għax vapur b'żewġ kaptani ma jimxix.

Ma tħossx li l-każ Panama tefa’ dell fuq ix-xogħol kollu li jagħmel il-Gvern?

Ovvja, mhux l-inqas għax l-Oppożizzjoni jitkellmu fuqha biss.

Minkejja li Joseph Muscat huwa fdat iktar minn Busuttil, id-differenza bejn il-partiti, illum naqset ħafna. Għaliex taħseb li hu dan?

Mhux il-polls kollha qed juru hekk.

 

Janice Chetcuti

 

Isem: Janice Chetcuti

Età: 40

Distretti: 3 distrett

Professjoni: Uffiċjal fl-uffiċċju tal-Kummissarju għat-Trattament xieraq tal-annimali

 

X’ġiegħlek tidħol fil-politika?

Jiena miżżewġa b’żewġt itfal u ħdimt għal erbatax-il sena bħala għalliema. L-edukazzjoni u t-taħriġ kienu parti integrali f’ħajti u għenuni biex insawwar il-personalità u l-perspettivi li għandi llum. Fl-2003 gradwajt mill-Università ta’ Malta fil-Business Management, kors illi wassalni biex nieħu l-inkarigu ta’ Manager fid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali fi ħdan il-Ministeru tar-Riżorsi, Agrikoltura u Affarijiet Rurali. Dan l-irwol ressaqni ħafna lejn il-qorti, fejn ta’ spiss kont inkun preżenti f’każijiet illi kien ikollhom x’jaqsmu ma’ moħqrija ta’ annimali. Dan wassalni biex nieħu d-deċiżjoni li nibda l-kors fil-liġi, u fil-fatt din is-sena jekk Alla jrid insir avukat. Illum Jiena nifforma parti mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali, u parti importanti minn xogħli huwa proprju t-tqassim ta’ informazzjoni u promozzjoni fuq il-ħarsien tal-annimali fost l-istudenti fl-iskejjel.

 

Fuq xiex ser tkun qed taħdem jekk tiġi eletta?

L-irwol tal-mara fis-soċjetà, il-familja, l-edukazzjoni ta’ wliedna, l-isport, preservazzjoni tal-ambjent ta’ madwarna u l-ħarsin tal-annimali huma fost l-aktar suġġetti għal qalbi. Nemmen li permezz ta’ emendar fil-liġijiet u programmi edukattivi ġodda jistgħu jitjiebu ħafna kundizzjonijiet u nkunu aħna lkoll li ngawdu minnhom.

 

Bħala kandidata mara, x’temmen li għandu jsir biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-mara f’kull livell, partikolarment f’dak politiku?

Nemmen li n-nisa għandhom ikunu aktar parteċipi fis-soċjetà u fil-kamp politiku però b’mod realistiku nemmen li dan mhux dejjem ikun possibbli speċjalment meta omm tkun għadha qed trabbi lil uliedha ta’ età żgħira. Għalkemm diskriminazzjoni pożittiva, ħafna huma kontriha, jiena naqbel ma’ ħafna studji mondjali f’dan ir-rigward u hemm lok li wieħed jikkunsidraha. L-ulied għandhom bżonn li ommhom tkun viċin tagħhom u allura jrid ikun hemm allowances biex dan isir. Eżempju tipiku huma s-seduti tal-parlament innifsu, dan jitlaqqa’ regolari filgħaxijiet, f’ħin fejn it-tfal jirritornaw id-dar. Dan hu biss inċident wieħed mill-ħafna li jżomm nisa ta’ ċertu opinjonijiet milli jipparteċipaw fil-kamp politiku, ovvjament hemm ħafna u ħafna ostakoli oħra li mara bit-tfal żgħar tiltaqa’ magħhom kontinwament.

 

Għaliex għandu jirbaħ il-Partit Nazzjonalista?

Il-Partit Nazzjonalista għandu jirbaħ din l-elezzjoni ġenerali għax il-Kap tagħna qed jibni s-sisien ta’ politika nadifa, onesta, trasparenti li ddur mal-individwu u l-bżonnijiet tiegħu. Dr Busuttil permezz tal-PN jemmen fil-meritokrazija u allura li kull individwu jingħata l-pjattaforma tiegħu flimkien mal-għodda meħtieġa biex jirnexxi. Il-Partit tiegħu hu kompletament u kontinwament f’battalja mal-korruzjoni ta’ kull tip, il-kap tagħna dejjem kien konsistenti u f’dan ir-rigward qatt ma beża’ jieħu deċiżjonijiet, anke jekk forsi seta’ jitlef il-voti ta’ xi wħud li ma jaqblux miegħu f’dan. Jiena nagħżel li nistieden lin-nies biex jivvutaw lill-PN immexxi minn Dr. Busuttill għax hu l-partit li qed joffri proposti serji li huma fattibbli mibnija fuq prinċipji soda.

 

Għaliex il-partit Laburista m’għandux jirbaħ?

Ma nħobbx inkun negattiva u allura ma nħossx li għandi ngħid lin-nies hemm barra għalfejn m’għandhomx jivvutaw lill-PL. Dik l-informazzjoni jistgħu jiksbuha minn ġurnali indipendenti li jistgħu jiġu aċċessati minn kulħadd u għaldaqstant ikunu jistgħu jiffurmaw opinjoni politika matura.

Ladarba l-pajjiż sejjer tajjeb, għaliex għandu jinbidel il-Gvern?

Il-PN dejjem kien partit li jeċċella partikolarment fil-bini ta’ ekonomija soda u b’saħħitha, saħansitra anke meta l-bqija tad-dinja sofriet riċessjoni wara l-oħra, Malta baqgħet għaddejja b’sodezza li għamlitilna gieħ mal-bqija tal-pajjiżi. Kienet ukoll previżjoni tal-PM ta’ dak iż-żmien, cioe, Dr Gonzi li saħansitra wara dawn is-snin kollha ta’ ħidma fl-2017, Malta kien ser ikollha surplus għall-ewwel darba, u tabilħaqq dan ġie mxandar u kkonfermat mill-PM tal-lum. Kien il-PN li ħoloq setturi differenti ġodda li regolarment illum iħallu eluf kbar ta’ ewro fil-kaxxa ekonomika Maltija.

Simon dejjem baqa’ konsiderevolment inqas fdat minn Joseph Muscat, f’kull stħarriġ. Għaliex taħseb li qed ikun dan?

Dr Busuttil ħa f’idejh dan il-partit b’36,000 vot minn taħt, illum skont stħarriġ differenti jidher li d-distakk bejn iż-żewġ partiti hu minimu, dan ġara biss wara 4 snin bl-istess Dr Busuttil fit-tmexxija tal-PN. Ir-raġuni tgħidli li t-tmexxija ta’ Dr Busuttil allura qed tiġi apprezzata u saħansitra poġġiet Gvern li kellu dan il-vantaġġ hekk kbir, f’pożizzjoni li jxolji l-governanza tiegħu sena qabel ma skada l-mandat. Dan jirrifletti suċċess kbir fit-tmexxija tal-kap tagħna Dr Simon Busuttil, li qed jiġi apprezzat mhux biss min-Nazzjonalist iżda minn Forza Nazzjonali li tiġbor fiha individwi li jħaddnu twemmin politiku differenti iżda kollha favur Malta.

 

More in Politika