'Muscat qiegħed f'sitwazzjoni ddisprata li qed jaqbad ma' affarijiet assurdi u redikoli'

Simon Busuttil appella lill-Prim Ministru jkollu 'ftit umiltà u ma jaħsibx li għal Putin se tagħmel daqshekk differenza jekk imexxix il-pajjiż hu'

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil akkuża lill-Prim Ministru Joseph Muscat li jinsab f'sitwazzjoni, "tant iddisprata, li qed jipprova jaqbad ma' affarijiet li huma assurdi u redikoli. Il-Prim Ministru, lost the plot completely."

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha l-Partit Nazzjonalista kien qed jippreżenta għadd ta' proposti dwar l-ambjent, Busuttil appella lill-Prim Ministru biex ikun umli u ma jaħsibx li l-Prim Ministru Russu jimpurtah min ikun Prim Ministru ta' pajjiżna. 

"Nappella lil Joseph Muscat ikollu ftit umiltà u ma jaħsibx li għal Putin se tagħmel daqshekk differenza kbira jekk ikunx hu li jmexxi l-pajjiż jew xi ħadd ieħor," saħaq Busuttil, waqt li ddeskriva r-reazzjoni tal-PM bħala redikola u prużuntuża.

Waqt li kien qed iwieġeb domandi dwar dak li ġie żvelat dalgħodu mis-sit intelligenceonline.com, dwar possibbiltà ta' indħil mill-Kremlin sabiex ipattuha lil Muscat, Busuttil qal li kieku dak li ntqal huwa minnu, "Muscat kien isejjaħ laqgħa tal-Kumitat ta' Sigurtà li jien membru tiegħu. Jiena nemmen li dan hu attentat iddisprat ta' Muscat, ta' xi ħadd li qed jgħereq u jrid iniżżel lil kulħadd miegħu."

More in Politika