X'qed jgħidu l-kandidati nisa f'din l-elezzjoni? - Justyne Caruana u Maria Portelli

Żewġ kandidati nisa fuq it-tlettax-il distrett jitkellu mal-ILLUM dwar ir-raġunijiet għalfejn l-elettorat għandu jagħżel lil Simon Busuttil jew Joseph Muscat

Justyne Caruana

Isem:               Justyne Caruana

Età:                  42 sena

Distretti:          13-il Distrett

Professjoni:     Avukat (Segretarju Parlamentari)

 

X’ġiegħlek tidħol fil-politika?

Għandi passjoni kbira għal Għawdex u għall-politika, u għalhekk minn jeddi, fl-2003 tfajt ismi bħala kandidat għall-elezzjoni ġenerali biex immexxi 'l quddiem l-interessi ta' Għawdex u l-Għawdxin. Issa ili 14-il sena, u lesta nibqa' nservi.

Fuq xiex ser tkun qed taħdem jekk tiġi eletta?

Matul dawn is-snin ta' ħidma, dejjem poġġejt lil Għawdex u l-ġid u l-interessi tal-Għawdxin fuq quddiem nett ta' ħidmieti. Tul l-aħħar tliet snin kelli l-privileġġ inservi bħala Segretarju Parlamentari għall-anzjani u l-persuni b'diżabilità. Għalkemm ħdimt kemm flaħt biex dawn is-setturi mmexxihom 'il quddiem, dejjem żammejt id-dimensjoni Għawdxija f'moħħi, u għalhekk sarraft l-esperjenza li akkwistajt f'ħafna proġetti, servizzi u inizjattivi b'risq l-Għawdxin u hekk nibqa' nagħmel.

Bħala kandidata mara, x’temmen li għandu jsir biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-mara f’kull livell, partikolarment f’dak politiku?

Huma n-nisa nfushom li jridu jersqu 'l quddiem biex iservu u jiksbu l-appoġġ ta' nisa bħalhom biex jikber is-sehem tal-mara fil-ħajja pubblika. Irridu nkunu aħna li b'ħidmietna u bl-eżempju nikkonvinċu iktar appoġġ lill-kandidati nisa u b'hekk ninkoraġġixxu iktar nisa jidħlu fid-dinja tal-politika biex nibdlu l-affarijiet.

Għaliex għandu jirbaħ il-Partit Laburista?

Il-PL għandu jirbaħ għax għandhom jirbħu l-Għawdxin u l-Maltin li jridu ġenerazzjoni aħjar għal uliedhom. Jirbaħ għax għandu viżjoni għat-tul u kredenzjali ta' kredibilità li jwettaq dak li jwiegħed. Jirbaħ għax umli u jammetti li mhux perfett, imma determinat bi proposti serji biex kull suċċess nazzjonali jilħaq lil kulħadd u l-iktar dawk li jeħtieġu appoġġ iżjed minn oħrajn.

Għaliex m’għandux jirbaħ il-Partit Nazzjonalista?

M'għandux alternattivi fattibbli għal dak li jeħtieġ u li jistenna l-poplu. Ma jirbaħx għax fil-ftit li qed jipproponi, nieqes mill-konsistenza, b'figuri dubjużi u nuqqas ta' għarfien tar-rilevanza jew ħsara għall-ekonomija. Minflok bena alternattivi aħjar mis-suċċessi miksuba s'issa, qed iressaq proposti riċiklati li diġà qed jitwettqu minn dan il-Gvern. Dan juri distakk mir-realtà u allura distakk mill-bżonnijiet tal-poplu u tal-pajjiż.  

Ma tħossx li l-każ Panama tefa’ dell fuq ix-xogħol kollu li jagħmel il-Gvern?

Dan il-Gvern kiseb suċċessi kbar għal pajjiżna. Fejn qabel id-dejn kien qed jifni lil pajjiżna, illum għandna surplus li nistgħu ninvestu fil-poplu tagħna. Fid-dawl tal-allegazzjonijiet bla provi, ittieħdu l-miżuri li kienu meħtieġa skont il-provvedimenti tal-istrutturi amministrattivi u legali tal-pajjiż. Id-dell inħoloq u kien iffomentat minn min ma kellux risposta għas-suċċessi li kiseb il-Gvern.

Minkejja li Joseph Muscat huwa fdat iktar minn Busuttil, id-differenza bejn il-partiti llum naqset ħafna. Għaliex taħseb li hu dan?

Hija unika li l-Gvern Laburista żamm appoġġ kbir matul il-leġiżlatura kollha, meta s-soltu kull Gvern jitlef fil-popolarità. Dr Muscat baqa' dejjem fdat aktar għax bil-mod kif imexxi jispira aktar kredibilità - dak li jwiegħed, iwettqu. B'mod kontinwu u kostanti jżomm kuntatt mal-poplu, jisma' u jwettaq.  Jemmen f'pajjiżna u fil-poplu tagħna u ħadem bis-sħiħ biex kif wiegħed illum pajjiżna huwa l-aqwa fl-Ewropa. 

 

 

Maria Portelli

Isem: Maria Portelli

Età: 27

Distretti: 13

Professjoni: Projects Manager EU Funds

X’ġiegħlek tidħol fil-politika?

Politika tfisser li sservi u tgħin lil kulħadd. Ħassejt li rrid nagħti lura għal dak li rċivejt jien. Il-Partit Nazzjonalista tani formazzjoni sħiħa biex jiena llum dik li jien. L-istess partit kellu l-viżjoni li jdaħħal lil Malta fl-UE u d-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea ssarraf f'ħafna opportunitajiet ġodda speċjalment għalina ż-żgħażagħ. Li kien għal ħaddieħor, Malta ma daħlitx fl-UE u konna nitilfu ħafna opportunitajiet. Jien nappella liż-żgħażagħ biex ifittxu l-opportunitajiet li qed tagħtina l-Unjoni Ewropea u nisfruttaw minnhom. Dan diġà ili nwettqu bħala kunsilliera fil-Belt Victoria fejn offrejt opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex jipparteċipaw fi skambji tal-Erasmus+ barra minn xtutna.

X’se tkun qed taħdem fuqu jekk tiġi eletta?

Fiduċja fija tfisser fiduċja fil-Partit Nazzjonalista.  Bħala team player se naħdem fuq dak kollu li jixraqlu l-poplu Għawdxi fuq il-linja kredibbli li qed iwiegħed u jwettaq il-Partit Nazzjonalista. Nemmen li Għawdex jixraqlu aħjar minn dak li ra fl-aħħar 4 snin. Il-wegħda u l-patt tagħna hi mas-settur kollha f’Għawdex u sehmi se jkun biex verament inkun il-vuċi ta’ kulħadd.   

Bħala kandidata mara, x’temmen li għandu jsir biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-mara f’kull livell, partikolarment f’dak politiku?

Il-mara, bħar-raġel, hija ċ-ċentru ta’ kollox, mhux biss il-politika. Hawn ħafna nisa tajbin u għandhom għatx biex jagħtu sehemhom fil-politika. Personalment ma nemminx fil-kwoti iżda naqbel mal-linja tal-Partit Nazzjonalista li jimpenja ruħu biex jagħti fiduċja ikbar lin-nisa fil-ħajja pubblika. Nittama li l-kandidatura tiegħi, bħal tal-kollegi oħra nisa sservi wkoll t’eżempju. In-nisa Għawdxin qatt ma qagħdu lura mill-politika u kellna saħansitra Ministru mara li tat sehem mill-aqwa fl-Iżvilupp tal-Gżira Għawdxija. Nemmen ukoll li l-elettorat jaf jagħżel u se jkollna iktar nisa fil-Parlament ukoll.  

Għaliex għandu jirbaħ il-Partit Nazzjonalista?

Partit Nazzjonalista mhux biss iġġedded iżda għandu l-ideat u l-pjani ċari biex jerġa’ jmexxi l-poplu Malti u Għawdxi kollu fid-direzzjoni li tixraqilna. Il-Partit Nazzjonalista għandu jingħata l-fiduċja għax huwa l-unika partit li qed joffri valur miżjud f’din il-kampanja elettorali. Aħna qed ngħidu li se nkomplu nżidu l-impjiegi u l-kwalità tal-ħajja billi nqassmu l-ġid lil kulħadd u fl-istess ħin nxejnu l-korruzzjoni li għerriqna fiha Gvern Laburista fl-aħħar snin.  

 Għaliex m’għandux jirbaħ il-Partit Laburista?

Jekk il-poplu irid Gvern li jwiegħed kollox iżda mbagħad għax korrott lanqas kellu l-ħila jagħmel leġiżlatura sħiħa allura jerġa’ jagħżel Labour. Nemmen li l-poplu hu intelliġenti, ma jridx tmexxija involuta fi skandli kbar li qatt ma rajna bħalhom. Il-poplu ma jridx iktar qerda tal-ambjent kif rajna fl-aħħar 4 snin. Il-poplu ma jridx kirjiet għoljin, impjiegi li jħallsu bil-loqom u ħajja dejjem togħla. Dawn l-affarijiet huma biss garanzija taħt il-Labour. Il-poplu Malti u Għawdxi jaf li jixraqlu aħjar u ‘fit-tieni half’ se jibdel it-tim u jagħżel Malta.

Ladarba l-pajjiż sejjer tajjeb, għaliex għandu jinbidel il-Gvern?

Kieku l-pajjiż sejjer tajjeb, kieku m’għadniex elezzjoni bikrija. Kieku l-pajjiż sejjer tajjeb kieku għandna gazzetti u mezzi tax-xandir li qed jitkellmu dwar il-ġid u mhux dwar l-iskandli li ħammrulna wiċċna. Il-Partit Nazzjonalista se jtejjeb fuq it-tajjeb li sar, jiżgura kontinwità iżda hija biss is-soluzzjoni biex insalvaw wiċċha mill-korruzzjoni li rabtilna isimna magħha dan il-Gvern. Għalhekk għandu jinbidel il-Gvern.

Simon dejjem baqa’ konsiderevolment inqas fdat minn Joseph Muscat, f’kull stħarriġ. Għaliex taħseb li qed ikun dan?

Joseph Muscat uża flus il-poplu biex nefaħ ismu bir-riklami u l-propoganda f’kull mezz u istituzzjoni. Dan biex jgħatti xturu u l-korruzzjoni tal-klikka li jibqa’ jiddefendi. Simon Busuttil huwa l-unika soluzzjoni biex il-pajjiż jerġa’ jikseb id-demokrazija sħiħa li għandna bżonn. L-elettorat se juri lil min jafda verament għall-ġid ta’ Malta fis-silenzju fit-3 ta’ Ġunju.

More in Politika