'It-3 ta' Ġunju mhux se jaħsel lill-Kap tal-Oppożizzjoni mill-gidba li qal fuqi'

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li m'hemm ħadd li għandu jifraħ li l-inkjesta mhux mistennija titlesta qabel l-elezzjoni

Il-Prim Ministru Joseph Muscat, għal darb'oħra sostna li l-Kap tal-Oppożizzjoni m'għandux jifraħ li l-inkjesta se tkun qed iddum ma tiġi konkluża. Dan wara li lbieraħ, Simon Busuttil qal kif minħabba l-kumplessità tal-inkjesta, il-Maġistrat mistenni jikkonkludiha wara l-elezzjoni. "Donnu qalha b'ferħa u bl-entużjażmu li mhux se titlesta sal-elezzjoni. M'hemm ħadd li għandu jifraħ. Jien rasi mistrieħa, għax naf li qed ngħid il-verità," sostna Muscat.

Waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet fl-Imdina, Muscat qal li l-elezzjoni, mhux se tkun qed "taħsel lill-Kap tal-Oppożizzjoni mill-gidba li qal fuqi."

Muscat kompla jinsisti li Busuttil diġà ħela ġimgħa mix-xogħol tal-maġistrat għax, "meta ħa dawk il-box files, kien diġà jaf li ma kien hemm xejn fihom x'jaqsam mal-gidba li qal fuqi."

Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet li kienet qed telenka numru ta' proposti dwar il-qasam tal-familji, intqal kif familja medja b'żewġt itfal li ż-żewġ ġenituri jaħdmu u jaqilgħu €17,000 li hi l-paga medja, se tkun qed tiffranka mal-€2,000, jew €40 fil-ġimgħa.

More in Politika