‘Li qalet il-whistleblower dwar Egrant ma ssorprenda lil ħadd’

Simon Busuttil jinsisti li l-PN huwa kontra l-abort, l-ewtanasja u l-iffriżar tal-embrijuni għax hemm ‘tkun qed tilgħab mad-dritt tal-ħajja’

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal kif ix-xhieda tal-whistleblower fil-każ ta’ Egrant ma kinitx sorpriża għaliex meta l-Prim Ministru Joseph Muscat ma keċċiex liċ-chief of staff Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi lura s-sena li għaddiet, “allura ġie kompliċi magħhom, u li qalet din il-barranija, ma ssorprenda lil ħadd.” Busuttil qal kif bħala Kap tal-Oppożizzjoni, kellu bilfors jitkellem fuq allegazzjonijiet daqshekk serji, “inkella ma nkunx denju li nkun Kap tal-Oppożizzjoni.” Il-Kap tal-PN, żied jgħid li ma jistax jifhem, “kif il-maġistrat ma jistax isib biżżejjed biex jitmexxa l-każ, jekk kien hemm whistleblower li rat il-karti li kien hemm fis-safe li l-kumpanija hi ta’ Michelle Muscat.”

Waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet bħala parti mill-iskema ta’ xandiriet tal-Awtorità tax-Xandir, Simon Busuttil tkellem dwar il-qasam tal-libertajiet ċivili, meta ġie mistoqsi dwar l-element konservattiv fil-partit u l-koalizzjoni, li kapaċi jżommu, ‘ostaġġ’. Busuttil sħaaq li dawn huma kiwstjonijiet delikati, u hu xtaq li l-PN jinfetaħ fuq l-ideat. Waqt li faħħar id-dħul tal-liġi tal-unjoni ċivili u ddeskriviha bħala “waħda mill-affarijiet tajbin tal-gvern ta’ Joseph Muscat,” Busuttil qal ukoll li ħadd ma stenna li l-Partit Nazzjonalista jkun daqshekk miftuħ. Minkejja dan, il-Kap tal-Oppożizzoni qal li mhux lest li jilgħab mad-drittijiet tal-ħajja. “Personalment, ma naqbilx mal-abort, l-ewtanasja u l-iffriżar tal-embrijuni, għax hemm tkun qed tilgħa mad-dritt tal-ħajja,” sostna Busuttil.

Dwar il-kritika li Simon Busuttil u l-Partit Nazzjonalista qegħdin jagħmlu isem ħażin lil pajjiżna barra minn Malta, il-Kap tal-PN insista li hu jikkritika lil Joseph Muscat u mhux lil Malta, “u nikkritika lil Joseph Muscat, għax propju nħobb lil Malta.”

Meta mistoqsi mill-ġurnalisti dwar it-trasparenza tal-Partit Nazzjonalista, partikolarment dwar il-każ tal-invoices tal-grupp db, Simon Busuttil saħaq li ma kienx se jħalli “SMS b’theddida jgħalaqli ħalqi. Kieku ma ħriġtx dik l-SMS, ma kienx jixraqli nibqa’ fil-politika.” Fl-istess waqt, Busuttil qal kif se jkun qeed ibaxxi rasu għal dak li jgħid l-Awditur Ġenerali, wara li jinvestiga t-trasferiment tal-art f’San Ġiljan, fis-sit fejn fil-preżent hemm l-ITS.

Simon Busuttil, fi tmiem il-konferenza, poġġa għażla quddiem il-poplu, ta’ min iridu jkun il-persuna li, “tnaddaf isem Malta. Jekk hux Joseph Muscat li ħammġu jew jien li dejjem ħdimt biex innaddaf isimna.”

 

More in Politika