Drake lil Bonello: 'Stennihom joffenduk u jippruvaw ikissruk b'kull kalunja u viljakkerija'

l-Eks-Kap tal-Programmi fuq Radio 101,eks-membru tal-Eżekuttiv tal-PN u strateġista tal-PN Kevin J Drake jawgura lil John Bonnello u jwissieh b'kampanja ta' gideb kontrieh mill-PN stess 

John Bonello ilbieraħ waqt il-mass meeting tal-PL | Ritratt Chris Mangion
John Bonello ilbieraħ waqt il-mass meeting tal-PL | Ritratt Chris Mangion

Kevin J Drake, eks Manager tal-istazzjon tal-PN Radio 101, eks membru tal-grupp ta' strateġija tal-PN u parti mit-tmexxija ta' diversi kampanji għall-PN, awgura lill-eks Membru fl-amministrazzjoni tal-PN John Bonello għall-fatt illi lbieraħ tkellem fil-mass meeting tal-Partit Laburista. Bonello kien parti mill-PN sa wara l-elezzjoni tal-2013, bil-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Simon Busuttil jindika iktar kmieni illum illi Bonello jidher li "ħafirilix" għax ma kienx magħżul biex ikun kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

Drake, li deher għall-ewwel darba f'attività tal-PL fl-2013, wissa lil Bonello: "Naturalment issa stenna l-ħdura ħierġa, speċjalment minn dawk kollha li għal snin kienu jippużaw ta' kollegi u ħbieb. Stennihom joffenduk u jippruvaw ikissruk b'kull kalunja u viljakkerija immaginabbli. Taf x'qed nghid." 

Drake, li qed ikun attiv permezz tal-midja soċjali f'din il-kampanja elettorali sostna li Bonello m'għandux għalfejn jinkwieta "għax meta taf li qiegħed fuq in-naħa tas-sewwa, meta taf li l-prinċipji tiegħek baqgħu mhux mittiefsa, m'hemmx irwiefen li jistgħu jwaqqgħuk, m'hemmx attakki li ma tistax tegħleb, u dejjem b'wiċċek minn quddiem. Huma mumenti bħal dawn li tassew jiddefinixxu l-kwalitajiet ta' bniedem."

(Dan is-sit ħa l-permess ta' Drake biex jippublika l-kummenti tiegħu, anke jekk dawn fil-fatt huma pubbliċi)

More in Politika