Opinjoni | Ma nħallux lill-ħażin jirbaħ fuq it-tajjeb

"Daphne Caruana Galizia hija fenominu affaxxinanti għall-istudjużi tal-politika lokali. Mara li rnexxielha tniżżel il-livell tad-diskors politiku fl-aktar livelli baxxi immaġinabbli. M’hemmx ħniena għal dawk li mhumiex parti mill-klikka"

Meta nara ismi abbinat mal-kliem ‘kandidat’ u ‘Partit Laburista’, jitqanqlu fija diversi emozzjonijiet u memorji. Kif wasalt hawn?

Bdejt it-triq fil-politika bħala żagħżugħ ta’ 16-il sena jorganizza d-dimostrazzjonijiet kontra l-miżuri edukattivi li ttieħdu fl-ewwel parti tas-snin tmenin. Konxju tal-pedigree Laburist tiegħi, nannuwi kien wieħed mill-fundaturi tal-Malta Labour Party, spiċċajt bdejt nimmilita fil-Partit Nazzjonalista minħabba l-istat li spiċċa fih pajjiżna dak iż-żmien. Sitwazzjoni li jien kont nemmen li kienet tort tal-Partit Laburista biss. Sitwazzjoni li fiha pajjiżna nqasam f’aħmar u blu. Tmur tieġ u tara l-mistednin jinqassmu fi gruppi, skont l-affilljazzjoni partiġġjana tagħhom.

Illum nemmen mod ieħor.

Mhux xi sigriet li kont wieħed mill-‘gladjaturi’ tal-Partit Nazzjonalista. Qatt ma kont kattiv jew personali fi kliemi imma kulma nagħmel, nagħmlu b’ċerta passjoni u dik il-passjoni serviet lill-PN għal numru ta’ snin. 

L-unika ħaġa li żammitna milli niżżerżqu għal ġol-ħama li spiċċa mgħaddas fih pajjiżna fit-80jiet kienet id-determinazzjoni ta’ Joseph Muscat li ma jħallix lill-Partit Laburista jerġa’ jaqa’ fin-nassa Jeffrey Pullicino Orlando

Dan sakemm il-PN ġie ‘hijacked’ minn klikka ddominata minn Richard Cachia Caruana. Issa, ħa nkunu ċari, Cachia Caruana ma waqax mis-sema f’daqqa waħda. Kien ilu jimmanuvra biex jieħu l-kontroll totali tal-PN mit-tmeninijiet. Dan seħħ meta Lawrence Gonzi ġie maħtur Prim Ministru fl-2004. Sinċerament inħoss, anzi naf, li Gonzi ma kienx raġel ħażin imma kien totalment ikkontrollat minn Cachia Caruana.

Minn hemm bdejna t-triq li wasslet għar-rebħa storika tal-moviment immexxi minn Joseph Muscat fl-2013. Rebħa li kienet determinata mill-fatt li Muscat irnexxielu jiġbed miegħu dawk l-elementi tal-PN li kellhom xejra pjuttost liberali u ħassewhom soffokati jaħdmu fis-sistema kważi awtoritarja imposta fuqhom.

Kont naf li l-‘klikka RCC’ ma kinitx ħa taċċetta din it-telfa u li kienu ħa jagħmlu ħilithom biex jerġgħu jieħdu t-tmun f’idejhom. Naf li dawn mingħalihom li għandhom dritt divin li jiggvernaw huma.

Bdew l-attakki. Attakki sistematiċi u anke personali fuq il-Prim Ministru u dawk li kienu l-aktar viċin tiegħu, fosthom martu. Attakki li niżlu għal-livelli li m’għandhomx preċedent f’pajjiżna. Attakki koordinati minn elementi tal-medja suppost indipendenti bl-assistenza ta’ uffiċjali fiċ-Ċivil. Il-każ ‘Financial Shadow Group’ li kien juża s-servizzi tal-‘ġurnalist’ tat-Times, Ivan Camilleri, jeżemplifika it-tattiċi użati. Daħlet il-Knisja fix-xena, b’interventi manifestament partiġġjani mill-Arċisqof li fakkru lil ħafna Laburisti fis-snin tad-‘dnub il-mejjet’ u bil-ħatra ta’ ‘Father’ Joe Borġ fit-tmexxija tal-medja tal-Kurja.

Min mhux konxju tal-konnessjonijiet b’saħħithom li għandhom Joe Borg u Ivan Camilleri ma’ Cachia Caruana? Kif kulħadd jaf ukoll bir-relazzjoni personali li hemm bejn Cachia Caruana u Daphne Caruana Galizia.

Daphne Caruana Galizia hija fenominu affaxxinanti għall-istudjużi tal-politika lokali. Mara li rnexxielha tniżżel il-livell tad-diskors politiku fl-aktar livelli baxxi immaġinabbli. M’hemmx ħniena għal dawk li mhumiex parti mill-klikka. Tattakka tfal, persuni bil-mard, diżabbilità jew orjentazzjoni sesswali tagħhom. Saħansitra mejtin. Anke jekk dawk il-mejtin ikunu Nazzjonalisti mhux tal-klikka, bħal Guido De Marco. Attakki li jistgħu jitqiesu li huma fuq livell psikopatiku imma li qegħdin jiġu gglorifikati mill-partit tar-‘Religio et Patria’ maħkum mill–klikka. Attakki intiżi biex ikissru lil dawk fil-mira tagħhom u biex jinstigaw reazzjoni.

L-unika ħaġa li żammitna milli niżżerżqu għal ġol-ħama li spiċċa mgħaddas fih pajjiżna fit-tmeninijiet kienet id-determinazzjoni ta’ Joseph Muscat li ma jħallix lill-Partit Laburista jerġa’ jaqa’ fin-nassa. Nemmen li Cachia Caruana, anke fit-tmeninijiet, kien wieħed mill-imħuħ wara t-tattiċi li ntużaw mill-PN biex jipprovoka r-reazzjonijiet li wassluna f’xifer l-irdum.

Għażilt li nagħmel ħilti biex nagħti l-kontribut tiegħi biex ma nħallux lill-ħażin jirbaħ fuq it-tajjeb. M’għandix dubju li l-poplu Malti ħa jagħmel din l-għażla wkoll Jeffrey Pullicino Orlando

Allura l-klikka daret għall-‘Plan B’. Politiċi ‘Nazzjonalisti’ marru fl-ogħla istituzzjonijiet Ewropej jipprovaw ipinġu stampa ta’ Malta maħkuma mill-mafja mmexxija minn Muscat u ta’ madwaru. Caruana Galizia u l-akkoliti tagħha joħolqu stejjer biex ibellugħhom lill-ġurnalisti barranin għatxana għas-sensazzjonalizmu, anke dawk mingħajr nitfa provi u magħġunin bl-għajnuna ta’ frodisti magħrufa.

Tattika antika – qatt smajtu bih lil ‘Terinu’?

Politika li bdiet tidistabilizza pajjiżna. Pajjiż li ekonomikament ra tiġdid sħiħ f’dawn l-aħħar erba’ snin. Għal darb’oħra Muscat ma ħalliex l-interessi partiġġjani jiġu qabel dawk nazzjonali u kien pront isejjaħ Elezzjoni Ġenerali meta s-sitwazzjoni kienet ħa taqbad tiħżien b’detrement għall-pajjiż. Dar lejn il-poplu ħa jagħtih l-opportunità jagħżel bejnu u bejn koalizzjoni qawwija xprunata mill-kilba għall-poter u l-mibgħeda. 

Min wassalna f’din is-sitwazzjoni għandu jirrispondi għal għemilu fil-mument opportun.

Għażilt li nkun parti mit-tim li ħa jgħin biex, fit-3 ta’ Ġunju, nerġgħu nkomplu mexjin fit-triq it-tajba. Għażilt li nagħmel ħilti biex nagħti l-kontribut tiegħi biex ma nħallux il-ħażin jirbaħ fuq it-tajjeb. M’għandix dubju li l-poplu Malti ħa jagħmel din l-għażla wkoll. 

 

Jeffrey Pullicino Orlando huwa kandidat fis-Seba’ distrett

 

More in Politika