PL: 'Se tkun il-Kostituzzjoni li tibda tiddeċiedi l-futur ta' politiċi 'taħt sħaba'

Muscat jammetti li l-Gvern iddiżappunta fil-governanza, imma jfakkar fil-kisbiet li saru matul l-aħħar erba' snin ...  

Joseph Muscat, PM U Mexxej Laburista
Joseph Muscat, PM U Mexxej Laburista

Dalgħodu l-Partit Laburista nieda l-lista ta' kandidati tiegħu, b'Muscat jgħid li l-kandidati f'isem il-Partit Laburista se jkunu qed jikkandidaw lilhom infushom fuq pjan "mibni fuq prinċipji u pjan li huwa ferm iktar ambizzjuż u komplet minn dak tal-2013, li permezz tiegħu ħloqna l-ġid u ġibna x-xogħol, apparti li daħħalna diversi miżuri u liġijiet li taw iktar drittjiet."

Muscat sostna, f'konferenza bil-kandidati warajh li l-PL irid lill-pajjiż "jitla' skaluna 'l fuq milli kien permezz ta' infrastrutttura ġdida u billi nindirizzaw problemi li ilhom magħna s-snin.."

Il-PM u Mexxej Laburista għamel elenku tal-miżuri li qed jipproponi Gvern Laburista, fosthom dawk relatati mal-istudenti u internet b'xejn lil kull student li jkompli l-iskola għal sena, proġett tat-toroq kollha tal-pajjiż biex dawn ikunu lesti f'temp ta' seba' snin, proġett ta' trasport tal-massa u mina bejn Malta u Għawdex. Muscat semma' wkoll il-bonus ġdid li qed iwiegħed lil kull min huwa impjegat, żiedet oħrajn fil-pensjonijiet kif ġara f'dawn l-aħħar snin u għajnuna lil dawk li ma jifilħux iħallsu depożitu fuq proprjeta. 

"Aħna dak li nwiegħdu nwettquh," sostna Muscat, "u fil-leġiżlatura li jmiss se nkomplu nibnu fuq dak li ħallejna." 

Muscat ammetta li jekk kien hemm settur illi fih l-Gvern kien ikkritikat u iddiżappunta, kien proprju l-governanza.

Għalhekk huwa sostna li Gvern Laburista ġdid se jdaħħal fil-Kostituzzjoni mekkaniżmu li permezz tiegħu jiddaħħal provediment li jagħti poter lill-kostituzzjoni nnifisha u mhux lill-politiku, biex jiskatta mekkaniżmu ta' reviżjoni, f'każijiet serji fejn potenzjament Membru Parlamentari u /jew persuni f'karigi pubbliċi għoljin jiksru kriterji skont lista speċifika ta' dmirijiet u obbligi li jonoraw u jħarsu b'responsabilità.

Dwar Konrad Mizzi huwa qal illi żammu għax kien jemmen li hu l-aktar persuna idonea biex tmexxi l-proġett tal-Power Station, li minn din is-sena bdiet topera bl-użu tal-gass. 

 

 

More in Politika