Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Qabel kellna l-entużjażmu... issa għandna l-esperjenza wkoll'

Joseph Muscat jgħid li 'minkejja li jien l-aktar persuna mweġġa' bil-gideb fuqi, jekk ningħataw il-fiduċja wara l-elezzjoni, irrid ngħaqqad u mhux nifred'

Albert Gauci Cunningham / 19 ta' Mejju 2017 22:09
Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat sostna illi t-triq tal-Gvern Laburista, jekk jingħata l-fiduċja, hija li l-pajjiż ikompli miexi 'l quddiem, ikompli jinħoloq il-ġid, "ġid li qed jasal għand kulħadd, ġid li qed joħloq ix-xogħol, fil-fatt aħna l-iktar Gvern Malti li qatt ġab xogħol. Kburi li mexxejt l-iktar Gvern Malti li taħtu kien hawn l-inqas qgħad, li l-aktar li qatt ta xogħol lill-persuni b'diżabilità, li l-aktar li qatt investa fil-qasam tas-saħħa u tal-edukazzjoni. Kburi li mexxejt Gvern li għamel l-akbar qabżiet fil-libertajiet ċivili," sostna Muscat. 

Huwa qal illi matul l-aħħar erba' snin, inħolqot fiduċja fil-pajjiż, "fiduċja li l-pajjiż jista' jmur 'il quddiem, fiduċja li persuna tista' ssib xogħol."

Joseph Muscat qal illi dak li ppreżenta l-Partit Laburista ilejla huwa pjan ċar, pjan "li għandu jwassal għal qabża kbira ta' kwalità...erba' snin ilu bdejna b'dan ix-xogħol mimli proposti mibni fuq it-tajjeb u l-ħażin tagħna. Pjan li ilna naħdmu dwaru mill-ewwel ġurnata tal-Gvern."

"Qabel kellna l-entużjażmu, issa għandna l-esperjenza. Esperjenza li se turi illi se nisfruttaw it-tajjeb tagħna u nitgħallmu mill-iżbalji tagħna. Imma apparti hekk," kompla jgħid Muscat, "għandna l-kredibilità, li dak li nwiegħdu nwettquh."

F'dan il-punt għamel elenku tal-wegħdiet li qed jagħmel il-Partit Laburista, fosthom proġett biex ikunu jerġgħu jsiru t-toroq, proġett ta' trasport tal-massa u oħrajn. Semma' l-kisba finanzjarja tal-Gvern preżenti, permezz tas-surplus u t-tnaqqis tal-faqar "bin-nofs". 

Amanda Briffa, mara li saret omm bil-proċess tal-IVF wara li kien introdott minn dan il-Gvern
"Kien hemm fejn stajt għamilt aħjar," ammetta Muscat li semma l-qasam tal-governanza bħala wieħed mill-oqsma illi fihom il-Gvern ma kienx ta' suċċess, għalkemm fakkar ukoll fil-liġijiet li daħħal il-Gvern. 

"Nitlob lill-poplu jagħżel l-aħjar nies, sabiex fl-inqas żmien possibbli nwettqu dan il-pjan għall-pajjiż," qal Muscat li fakkar kif maġenbu se jkun hemm Louis Grech, li mhux se jikkontesta l-elezzjoni. 

"Dan huwa mument diviżiv, mument fejn dak li jkuin jgħid xi kelma żejda. It-3 ta' Ġunju jiġi u jgħaddi, wara elezzjoni diviżiva kawża ta' gidba li weġġgħet lill-pajjiż, ta' min ma ddejjaq xejn iħammeġ għax jaħseb li hekk issir il-politika. Minkejja li jien l-aktar persuna mweġġa', xogħli mhux li nifred il-pajjiż imma li ngħaqqad aktar minn qatt qabel," qal Muscat għall-approvazzjoni ta' dawk preżenti. 

Intant waqt il-konferenza tkellmu diversi nies fosthom persuna transgender li faħħret lill-Gvern għall-avvanzi li saru fil-qasam tal-ġeneru, hekk kif ħajjet diversi persuni transgender tjiebet grazzi għall-liġijiet li introduċa dan il-Gvern. 

"Jiena qiegħeda hawn biex nitkellem fuq id-differenza bejn ħajti qabel u ħajti issa, fit-3 ta' Ġunju se nagħmel l-għażla għal ħajti. Ħajti sabiħa issa, aħseb u ara kemm iktar jekk jibqa' Gvern Laburista fil-Gvern, l-aqwa żmien ta' ħajti għadu ġej," temmet tgħid Shanaia Micallef

Tkellmet ukoll Amanda Briffa, omm wara l-proċess tal-IVF li introduċa dan il-Gvern. Hi tkellmet dwar it-tqala tagħha fil-passat u emottiva qalet kif koppji u familji bħal tagħha gawdew minn proċess ta' IVF b'xejn, proċess li kien introdott għall-ewwel darba f''dawn l-aħħar erba snin. "Grazzi lill-Prim Ministru talli ħsbt fina u talli tajtna l-opportunità, mhux biss permezz tal-IVF imma anke l-għajnuna imprezzabbli permezz taċ-child care b'xejn. Il-Gvern qed iħallasli iktar minn €7,000 f'child care." Dwar dan is-suġġett tkellem ukoll Marc Sant, ginekologu li qal illi l-irwol tiegħu huwa li jjerġa jeleġġi Gvern li joħloq il-ġid u jieħu ħsieb ukoll il-ġid tal-monranzi."

Sant qal li l-ġid li hawn f'pajjiżna ġara grazzi għall-Prim Ministru Joseph Muscat u t-tim li qed imexxi. "Jekk irridu nsostnuh ma rridux naħsbu li huwa atomatiku. Huwa fakkar kif meta inbena l-Isptar Mater Dei kien hemm tagħmir għall-IVF li iżda baqa' ma ntużax. Illum, min-naħa l-oħra qed ikunu trattati bejn 30 u 40 koppja kull 8 ġimgħat.

Lydia Abela, President tal-Eżekuttiv
Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook