Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Il-PN jirbaħ żewġ każi kontra l-istazzjon nazzjonali ... il-PBS ifakkar li l-PN tilef erbgħa

L-Awtorità tax-Xandir tagħti raġun lill-PN f'każ ta' rappurtaġġ dwar il-whistleblower fil-każ 'Ehgrant' u dwar ir-rappurtaġġ tad-dibattitu fl-Università...il-PBS iwieġeb

Albert Gauci Cunningham / 19 ta' Mejju 2017 17:44
Il-PN jirbaħ żewġ każi kontra l-PBS
F’żewġ deċiżjonijiet separati, l-Awtorità tax-Xandir tat raġun lill-Partit Nazzjonalista li fl-ilmenti tiegħu, rrefera għal żewġ każijiet fil-bulettin tal-aħbarijiet tal-PBS fejn kien hemm provi ċari ta’ nuqqas ta’ ġudizzju tajjeb dwar x’jikkostittwixxi valur ta’ aħbar, kif ukoll attentat ta’ tibdil fid-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil. 

L-ewwel każ kien dwar il-fatt li l-istazzjon nazzjonali għażel li ma jirrappurtax ix-xhieda li tat il-whistleblower tal-kumpanija sigrieta Egrant fil-Qorti fil-każ li għandha kontra l-Bank Pilatus. Minkejja li x-xhieda ta’ dan il-każ kienet ta’ importanza u fl-interess pubbliku - kif ikkonfermat l-istess Awtorità tax-Xandir - l-istazzjon nazzjonali għażel li jeskludiha, l-istess kif għamlet il-media tal-Partit Laburista. Fid-deċiżjoni tagħha dwar dan il-każ, l-Awtorità tax-Xandir xejnet id-difiża tal-PBS, tant li spjegat kif “il-mument li l-persuna in kwistjoni għażlet li tkun whistleblower fil-każ dwar il-kumpanija Egrant, din daħlet fil-kontroversja politika, u sa ċertu punt irrinunzjat għall-ħajja privata u saret suġġett ta’ interess pubbliku u għaldaqstant ix-xhieda tagħha fil-Qorti f’dan il-każ kellha importanza u valur t’aħbar”.

It-tieni każ kien dwar il-fatt li fir-rappurtaġġ tad-dibattitu bejn il-mexxejja politiċi fl-Università nhar l-Erbgħa li għadda, l-PBS ikkwota lill-Prim Ministru meta dan poġġa kliem f’ħalq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil. Anke hawnhekk, l-Awtorità tax-Xandir laqgħet l-ilment tal-Partit Nazzjonalista u “saħqet mill-ġdid fuq l-importanza li r-rapporti ikunu preċiżi u korretti għall-benefiċċju tas-semmiegħa u t-telespettaturi.”

...il-PBS iwieġeb

Intant fi astqarrija b'risposta l-PBS irrimarka li mindu bdiet il-kampanja elettorali, il-PN għamel sitt ilmenti li erbgħa minnhom ma ġewx milqugħa mill-Awtorita’ tax-Xandir. Jirrimarka wkoll li fiż-żewġ ilmenti milqugħa, l-Awtorita’ ma sabet l-ebda żbilanċ u ma tat ebda rimedju.

Il-Każijiet kollha deċiżi jinsabu fuq is-sit tal-Awtorita’ tax-Xandir.

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook