Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

'Tal-mistħija li entitajiet isiru estensjoni tal-partiti jew aġenziji ta' reklutaġġ'

Tliet għaqdiet non-governattivi bi stqarrija iebsa kontra l-abbuż tal-istituzzjonijiet u b'appell biex il-President tar-Repubblika timplimenta riforma Kostituzzjonali

Albert Gauci Cunningham / 19 ta' Mejju 2017 16:37
Tliet għaqdiet non-governattivi iwissu kontra li entitajiet isiru aġenziji ta' reklutaġġ
"Il-kriżi nazzjonali li Malta qed taffaċċja llum hija r-riżultat ovvju u dirett ta’ serje ta’ movimenti maħsuba li, tul iż-żmien, ħadmu kontra l-elementi fundamentali tad-demokrazija u tal-istat ta’ dritt (rule of law). Gvernijiet u l-Parlamenti Maltin, wieħed wara l-ieħor, żammew u saħħew strutturi ta’ poter bl-għan ewlieni li jippreżervaw lilhom infushom filwaqt li jtaffu s-separazzjoni bejn il-fergħat leġislattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji tal-gvern: separazzjoni li demokrazija tant teħtieġ sabiex tibqa’ b’saħħitha, inklussiva u sostenibbli. Fl-aħħar mill-aħħar, huwa n-nazzjon Malti li jġarrab il-ħsara." Hekk sostniet l-għaqda non governattiva Aditus, flimkien mal-Fondazzjoni Integra u l-Critical Institute. 

"L-istituzzjonijiet ta’ governanza qed ifallu milli jwettqu d-doveri tagħhom li jipprevjenu u jindirizzaw abużi ta’ poter fl-oqsma amministrattivi u politiċi. Hija ħaġa ta’ mistħija li entitatjiet afdati mill-poplu bil-ġustizzja, s-sewwa, l-effiċjenza u l-proċess demokratiku – jiġifieri s-servizz pubbliku, il-ġudikatura, it-tribunali amministrattivi, il-pulizija, il-forzi armati u l-aġenziji statali – jiġu konsistentement użati bħala estensjoni tal-partiti politiċi jew bħala aġenziji ta’ reklutaġġ," kompliet tgħid l-istqarrija.

"Imneżża’ minn kull rwol ta’ monitoraġġ u indipendenza, l-istituzzjonijiet tagħna faċilment jingħelbu minn-ministri u membri parlamentari li jirrifjutaw li jirriżenjaw meta affaċjati b’allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni, favoritiżmu, frodi u forom oħra ta’ kondotta politika ħażina."

L-għaqdiet appellaw biex min qed jaqra l-messaġġ ma jagħmilx dan minn lenti ta' partit. Huma proponew ukoll li l-President tar-Repubblika sabiex "toffri kull għajuna siewja sabiex tiġi mplementata riforma Kostituzzjonali ta’ vera, ħalli nerġgħu nibnu dan l-istat minn isfel għal fuq b’istituzjonijiet demokratiċi indipendenti u b’saħħithom kapaċi jassiguraw l-istat ta’dritt u r-rispett lejn id-drittijiet fundamentali tal-bniedem."

L-istqarrija ttemm tappella lill-poplu biex jistennew aktar minn kul Gvern u Parlament u fejn l-aqwa kondotta nadifa tfalli, "jinsistu għar-riżenja u tneħħija immedjata."

 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook