Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Dawk li għandhom ħafna x’jitilfu (jew x'jirbħu) wara t-3 ta’ Ġunju

Għal ħafna nies elezzjoni hija elezzjoni, tiġi u tmur... għal uħud l-elezzjoni se tiddetermina l-futur tagħhom

Albert Gauci Cunningham / 18 ta' Mejju 2017 13:52
Min għandu x'jitlef u min għandui x'jirbaħ...
It-3 ta’ Ġunju issa huwa eqreb milli qatt kien. Tliett iĦdud u kollox ikun għadda. Il-bnadar u l-imkatar merfugħin, il-ħornijiet mormijin, id-diskussjonijiet ibattu aktar u l-kmamar tal-aħbarijiet jibdew jieħdu xi ftit tan-nifs. Il-ħajja tkompli qisu qatt ma kien xejn. Għan-nies komuni fit-triq.

Għal numru ta’ politiċi, eks politiċi u personaġġi fix-xena politika din l-elezzjoni u allura t-3 ta’ Ġunju li ġej se tkun kruċjali ħafna, għax għandhom ħafna x’jitilfu jew inkella ħafna x’jirbħu. Imma min għandu x’jitlef? U x’għandu x’jitlef?

L-ILLUM tat ħarsa ħafifa lejn dawk in-nies li għandhom x’jirbħu u x’jitilfu u li għalihom it-3 ta’ Ġunju taf tkun ġurnata deċiżiva għall-futur politiku tagħhom, għall-karriera li għandhom jew inkella għas-saħħa u l-influwenza li għandhom bħalissa fil-qasam illi jispeċjalizzaw fih.

Konrad: Jekk il-PL jitlef ħafna swaba’ se jippuntaw lejh

Waqt il-kampanja elettorali ta’ bħalissa wieħed seta’ jinnota l-preżenza u l-parteċipazzjoni tal-eks Segretarju Parlamentari Michael Falzon. Minkejja li taħt it-tmexxija tiegħu tad-Dipartiment tal-Artijiet saret dik li tista’ tkun meqjusa bħala l-imbruljunata ta’ Gaffarena, Falzon għax irreżenja, ħa resposnsabilità tal-għemil ta’ dawk li responsabbli tagħhom kien hu. Illum Falzon ftit li xejn jinsab taħt kritika, minħabba li kien ħallas il-prezz tal-att partikolari, anke jekk filfatt hu qatt ma kien implikat direttament.

Konrad Mizzi dan m’għamlux. U dan kien żball fatali, min-naħa tiegħu u min-naħa tal-PM Joseph Muscat. Minkejja li sa qabel bdiet il-kampanja elettorali Mizzi kien irrappurtat illi kien fuq quddiem fid-distrett, telfa għall-Partit Laburista nhar it-3 ta’ Ġunju tkun politikament aktar fatali għal Mizzi mill-allegazzjonijiet infushom.

F’każ li l-PL jitlef, ħafna se jippuntaw subgħajhom lejn Konrad Mizzi u se jitfgħu parti tajba mill-ħtija fuqu. Iffaċċjat bir-rabja u forsi saħansitra ribelljoni minn ġewwa Konrad Mizzi, jista’ jkollu ftit għażla ħlief li jirrinunzja l-pożizzjoni ta’ Deputat (jekk elett) u jitlaq mix-xena.

Minkejja li kwalitajiet tajbin, speċjalment maniġerjali, Mizzi għandu, jista’ jkun illi jekk il-Partit Laburista jirbaħ Muscat ma jerġax jagħmlu Ministru. Jekk filfatt jagħmlu Ministru, Muscat ikun reġa’ ta lill-avversarji tiegħu raġuni biżżejjed biex jikkritikawh.

Konrad Mizzi għandu x’jitlef dejjem. Imma jekk il-PL imur lura fl-oppożizzjoni se jkun qed jitlef kollox.

Jekk il-PL jitlef, Muscat ikun ta l-akbar rebħa u l-akbar telfa lill-PL

Jekk il-Partit Laburista jitlef l-elezzjoni ta’ tliet ġimgħat oħra, Joseph Muscat jitniżżel bħala l-Mexxej li ta l-akbar rebħa lill-partit politiku, biex erba’ snin wara wasslu għall-akbar telfa. Anke b’vot wieħed biss minn taħt il-PN, Muscat ikun tilef il-vantaġġ kbir ta’ 36,000 vot li rebaħ bih fl-2013.

It-3 ta’ Ġunju taf tkun waħda mill-aktar ġranet umiljanti għal Joseph Muscat u għall-Partit Laburista. Bħal kull Mexxej ieħor li tilef elezzjoni Muscat ikollu swaba’ ppuntati lejh. Muscat jista’ jkun li jkollu ħafna iktar swaba’ min-normal, għax ikun hemm min iwaħħal fih talli ma ħax azzjoni deċiżiva fil-konfront ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Naturalment dak kollu se jorbot mal-inkjesta dwar l-allegazzjonijiet li Egrant hija ta’ Michelle Muscat. Jekk l-allegazzjonijiet ta’ Daphne Caruana Galizia jirriżultaw fil-pożittiv, Muscat ikollu jiffaċċja wieħed mill-aktar tluq inglorjuż li qatt esperjenza politiku Malti.

Jekk l-allegazzjonijiet jirriżultaw li huma mibnijin fuq ir-ramel u li m’hemm ebda sustanza jew ebda indikatur li jitfa’ lil Michelle Muscat bħala sid ta’ Egrant u riċevitur ta’ madwar $1 miljun mill-Ażerbaijan, Muscat ikun qed iħares lejn elezzjoni li se ssaħħaħlu jdejh b’mod qawwi ħafna.

Jekk ir-riżultati tal-inkjesta ma jkunux pubbliċi sa qabel il-ġurnata tal-elezzjoni it-3 ta’ Ġunju taf tħalli lil Muscat imdendel, bil-giljottina mdendla fuq rasu. Fil-każ illi l-allegazzjoni ma tirriżultax bħala vera, kif qed jaħlef u jisħaq Muscat, ikun tajjeb għalih anke jekk ma jiggwadanja xejn elettoralment. Jekk jirriżulta li vera wara l-elezzjoni, il-giljottina fuq rasu tkun akbar u eqlel.

Muscat għandu ħafna x’jitlef jekk il-PL ma jġibx maġġoranza komda fl-elezzjoni ġenerali.

Jista’ jsir l-ewwel kap tal-PN li qatt ma jkun sar PM

Telfa għal-Labour wara r-rebħa tal-2013 taf tkun ta’ theżżiża akbar milli telfa għall-PN. Imma telfa għall-PN, speċjalment jekk tkun telfa b’distakk ta’ aktar minn 15,000-20,000 tista’ tkun daqqa ta’ ħarta kbira għal Simon Busuttil. Minkejja li  jista’ jgħid illi naqqas id-distakk bin-nofs, dan mhux se jkun biżżejjed biex jaqta’ l-aptit li issa jinħass sew fost il-partitarji Nazzjonalisti illi l-partit jista’ jerġa’ jkun fil-Gvern, ħafna qabel ma ppretendew.

Jekk il-PN jitlef b’marġini kbar is-swaba’ se jippuntaw lejn Busuttil, il-kampanja elettorali tal-PN li s’issa hija pjuttost fqira, l-għażla ta’ċerta kandidati, il-lingwaġġ u linja ta’ ħsieb prattikament estrema li qed jieħdu ċerti elementi fil-partit, id-dipendenza kważi assoluta tal-PN fuq il-blogg ta’ Daphne Caruana Galizia u Busuttil innifsu. Minkejja li l-partit qed jilħaq aktar setturi ta’ votanti, ħafna għadhom ma jarawx lil Busuttil bħala persuna li tista’ tkun PM.

Naturalment, jekk Simon Busuttil jirnexxielu jirbaħ ikun għamel rebħa kbira ħafna, għax ikun dawwar distakk enormi kontrih f’wieħed favurih, anke jekk żgħir. Busuttil għandu l-lussu li anke rebħa b’1,000 vot tkun biżżejjed, għax tkun meqjusa bħala rebħa kbira xorta.

Imma, anke hawn jekk mill-inkjesta jirriżulta li l-allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Michelle Muscat mhumiex minnhom u r-riżultat ta’ din l-inkjesta se joħroġ wara elezzjoni li jirbaħha l-PN, Busuttil se jibda t-terminu tiegħu ta’ PM taħt id-dell ta’ gidba. Mhux eżattament bidu promettenti għal PM ġdid.

Naturalment hemm l-element tal-posterità. Jekk Busuttil ma jirbaħx u jitneħħa minn Kap tal-Partit Nazzjonalista, ikun l-ewwel Kap tal-PN fl-istorja politika riċenti li qatt ma jkun sar Prim Ministru. Mhux eżattament xi ħaġa li Busutttil irid imwaħħla m’ ismu.

Għandu x’jitlef Keith Schembri?

Apparti li huwa ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri huwa wkoll intraprenditur ta’ suċċess kbir. Flus għamel kemm ried, beda mix-xejn u tela’ ’l fuq. Dan apparti l-fatt li l-elezzjoni tal-2013 u anke din il-kampanja elettorali qed tipprovah bħala strateġista tajjeb u persuna li teċċella fil-marketing.

Imma, jekk il-Partit Laburista jitlef l-elezzjoni flimkien ma’ Konrad Mizzi se jkun akkużat illi wassal għal telfa lill-partit li fuq kważi kull front kiseb riżultati. Il-Laburisti tal-partit, li ilhom fil-partit snin u li minn elezzjoni għall-oħra dejjem jitħabtu għall-partit mhux se jinsewha xi ħaġa bħal din.

Jekk min-naħa l-oħra l-allegazzjonijiet kontrih ma jkunux ppruvati u l-PL jirbaħ l-elezzjoni, Schembri jkun jista’ jgħid illi din kienet kollha kampanja ta’ gideb fil-konfront tiegħu.

Għal Schembri kollox se jorbot fuq żewġ affarijiet: ir-riżultat tal-elezzjoni u l-eżitu tal-inkjesta li issa qed titmexxa mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras. Muscat diġà qal li f’każ illi l-inkjesta ssib li hemm fejn jibdew proċeduri kriminali fil-konfront ta’ Schembri, dan ikollu jirreżenja.

Pullicino Orlando u Franco Debono

Mhux xi sigriet illi r-relazzjoni bejn il-PN u żewġ eks Deputati tiegħu, Jeffrey Pullicino Orlando u Franco Debono hija waħda ħażina jew non-eżistenti. Jekk fi tliett’iĦdud oħra jkun elett Gvern Nazzjonalista dawn, probabbilment,  it-tnejn jitilfu kull kariga jew pożizzjoni li ngħatat lilhom minn dan il-Gvern. Pullicino Orlando jista’ jgħid arrivederci lit-tmexxija tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija (MCST) u Franco Debono lill-kariega bħala Konsulent tal-PM dwar ir-riforma fil-Ġustizzja.

Naturalment it-tneħħija ta’ dawn iż-żewġ eks Deputati Nazzjonalisti ma tkunx fuq bażi ta’ meritokrazija, għax żgur illi Debono huwa kompetenti ħafna fil-qasam tal-Liġi u ħadd, qatt, lanqas il-PN ma kkritika il-ħidma ta’ Pullicino Orlando fl-MSCT. Imma tant għadha teżisti bruda bejn dawn it-tnejn u l-PN, li m’hemmx dubju illi l-attivisti tal-PN se jkunu qed jesiġu dawn it-tibdiliet.

Cyrus u l-ambaxxaturi...pack your bags

Mingħajr dubju illi, jekk elett mill-ġdid il-PN, fl-ewwel sigħat Cyrus Engerer, eks Nazzjonalist ukoll, ikollu jippakkja u jinżel lura Malta, minn Brussell fejn qiegħed jaħdem f’Dar Malta bħala Mibgħut Speċjali.

Bħal Debono u Pullicino Orlando, Engerer huwa kkwalifikat biex jokkupa l-kariga li għandu u dwar dan ftit, jekk xejn hemm min jiddubita. Imma għal darb’oħra bejn il-PN, Cyrus Engerer u ħafna mill-familja Slimiża Nazzjonalista nħolqot xi ftit tensjoni mhux ħażin. Il-PN ma ħafirhiex lil Engerer tant li beda l-kampanja elettorali b’attakki sottili jew inqas sottili fuq Engerer.

Ma’ Engerer jingħaqdu l-Ambaxxaturi kollha li sabu posthom f’ambaxxati, fosthom u speċjalment Norman Hamilton, Ray Azzopardi u Joseph Cuschieri.

Il-Kummissarju Lawrence Cutajar...ma kienx fenek!

Jekk il-PN ikun elett fil-Gvern, kif wiegħed diġà Busuttil, il-Kummissarju preżenti Lawrence Cutajar jitneħħa mill-ewwel, jiġifieri dawn jistgħu jkunu l-aħħar ġimgħat tiegħu fil-kariga. It-tmexxija ta’ Cutajar ftit jekk xejn ġiet ikkritikata sa qabel dak il-lejl meta kien qed jiekol ikla fniek mal-ħbieb fl-istess mumenti li Daphne Caruana Galizia għamlet l-allegazzjonijijiet dwar Egrant.

Busuttil diġà għamilha ċara biżżejjed drabi li m’għandux fiduċja f’Cutajar u li fl-ewwel sigħat tiegħu bħala PM ‘jaqtagħlu rasu’.

John u Jason....taħt il-mannara wkoll?

John Bundy u Jason Micallef ħelsuha xi ftit mill-baraxx ta’ kritika mill-PN, anke jekk ġew appuntati mill-Gvern preżenti. Kemm Bundy kif ukoll Micallef, bħal Pullicino Orlando, Debono u Engerer, ikkwalifikati fil-qasam illi jinsabu fih. Ftit jiddubitaw il-kapaċitajiet ta’ Bundy fil-PBS u Micallef bħala l-persuna li se tmexxi l-Belt Valletta lejn is-sena li fiha se tkun il-belt kapitali Ewropea tal-Kultura.

Imma, min-naħa l-oħra, il-PN ma tantx jinsab f’vena ta’ kompromessi bħalissa u għalkemm akkuża bosta drabi lil Chris Cardona bil-‘politika tal-mannara’ l-PN qed jipprepara ħafna mnanar, jista’ jkun li minkejja l-ħidma pożittiva tagħhom hemm waħda lesta għal Bundy (għax eks Nazzjonalist u fid-dawl ta’ kritika ma taqtax dwar il-PBS) u Micallef (sempliċiment għax Laburist)

It-tmexxija tal-PN tinżel kollha?

F’każ li l-PN jitlef l-elezzjoni x’se jkun id-destin taż-żewġ Viċi Kapijiet, Beppe Fenech Adami u Mario De Marco?

Dak ta’ De Marco huwa mċajpar sew.  B’attakki kontinwi fuqu minn ġewwa, minn dawk li prattikament għandhom il-partit taħt idejhom u issa bl-għajta illi l-elezzjoni li jmiss se tkun gomma biex inħassru l-memorja ta’ Joseph Muscat bħala PM, De Marco jidher xi ftit jew wisq politikament ‘maħruq’. Jekk il-PN jitlef, il-probabilità hija li De Marco jżarma mix-xena, għall-inqas għal perjodu ta’ żmien.

Fenech Adami, min-naħa l-oħra, filwaqt li xorta jkun parti minn tim ta’ persuni li mexxew il-partit għal telfa oħra, jista’ jkun li jingħata imbuttatura biex jieħu post Busuttil. Huwa sigriet magħruf li Fenech Adami għandu appoġġ qawwi mill-aktar nies b’saħħithom fil-PN.

Dan ifisser illi filwaqt li De Marco ma tantx għandu x’jirbaħ, Fenech Adami jista’ finalment jieħu vantaġġ mill-opportunità f’każ li l-PN jitlef u jkun kandidat għat-tmexxija tal-PN.

Mario Cutajar ... ras maqtugħa oħra

Il-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar jista’ qed iħares lejn qtugħ ir-ras. Minkejja li ftit kien hemm kritika dwar il-kompetenzi tiegħu, il-PN fakkar illi dan kien jappoġġja lil Glen Bedingfield.

Marlene...jew Ministru jew inkella barra mix-xena

Persuna oħra illi qed tilgħab parti iktar ċentrali f’din l-elezzjoni hija Marlene Farrugia. Minn kandidata tal-PN għall-kandidata tal-PL, imbagħad kap tal-PD u issa fuq il-lista tal-PN. Id-destin politiku ta’ Farrugia se jiddependi fuq żewġ affarijiet: Min jirbaħ l-elezzjoni u jekk hi tkunx eletta.

B’Muscat lura fil-Gvern, b’maġġoranza komda u mingħajr biżżejjed voti, Farrugia tispiċċa titlef il-qaleb u l-ġbejna. Dan ikun l-agħar xenarju għal Farrugia. Jekk eletta b’Muscat lura fil-Gvern, Farrugia tal-inqas jifdlilha s-saħħa ta’ Deputata.

L-aqwa prospett għal Farrugia huwa li tkun eletta u jitla’ l-PN fil-Gvern b’maġġoranza żgħira. Ikollha s-saħħa ta’ Deputat, ikollha s-saħħa morali li tgħid illi l-PD ikkontribwixxa għal rebħa tal-PN u jista’ jkun li tispiċċa b’xi kariga fil-kabinett ukoll. Tista’ saħansitra tkun is-siġġu differenza bejn partit u ieħor!

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook