Pajjiż li qed jeħel

Il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista Stanley Zammit jikteb dwar politika li tagħti s-setgħa lin-nies kuljum, mhux biss f’jum l-elezzjoni, u mingħajr il-ħtieġa li tmur titkarrab għand il-politiċi

F’dawn l-aħħar ġranet issemmew kemm-il xahar li fih tista’ tissejjaħ l-elezzjoni.  Anke jekk il-Prim Ministru kien ċar, qisu ħadd mhu qed iniżżilha li dan jista’ jissaporti sal-bidu tas-sena d-dieħla biex isaffar is-suffara.

Sa mill-ewwel kandidatura tiegħi għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, daħħaltha f’rasi li l-politiku ma jridx jaħdem għall-elezzjoni, imma jrid jaħdem għan-nies daqs li kieku hemm elezzjoni kuljum.

Imnalla li l-Gvern Laburista beda bil-baġit li pprepara l-Gvern Nazzjonalista u kompla bil-proġetti tal-gvern ta’ qablu!  Illum, anqas minn sena minn meta suppost tispiċċa din il-leġiżlatura, dan il-Gvern, għadu qiegħed ifittex ir-road maps għal diversi probemi, inkluż għal dawk li qabel l-elezzjoni li għaddiet tant ftaħar li kellu s-soluzzjonijiet għalihom.

Il-Partit Nazzjonalista, ma qagħdx jistenna sa lejliet l-elezzjoni biex joħroġ bi proposti konkreti kif il-problema dejjem tikber tat-traffiku tittaffa

In-nies tan-nofsinhar ta’ Malta, u mhux biss, għadhom, ta’ kuljum, jeħlu għal ħinijiet twal fit-traffiku jibilgħu d-dħaħen u jagħmlu ħilithom biex iżommu l-paċenzja. Din hija ħafna aktar kwistjoni ta’ saħħa u tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja milli kwistjoni li therri l-vettura. It-traffiku huwa wieħed mill-kontributuri ewlenin ta’ tniġġiż, u t-tniġġiż iwassal għal mard u mwiet. It-traffiku jnaqqas il-ħin liberu u jħalli impatt dirett fuq il-kompetittività tal-pajjiż.

Il-proġetti ta’ toroq prinċipali li saru jew qed isiru huma frott il-ħidma ta’ Gvern Nazzjonalista u huma kontinwazzjoni tal-pjan fit-tul li sar mill-istess Gvern.  Ħafna minn dan il-pjan kien diġà implimentat, grazzi ukoll għal fondi li Gvern Nazzjonalista ġab mill-Unjoni Ewropea.

Gvern Laburista ħaseb li billi jittripla s-sussidju għat-trasport pubbliku mit-taxxi tagħna, dan se jservi lill-poplu kif il-poplu jixtieq u kif jistenna li jkun servut.  Min juża dan it-trasport, illum, jgħidlek li għadna ’l bogħod minn hekk.

Illum, anqas minn sena minn meta suppost tispiċċa din il-leġiżlatura, dan il-Gvern, għadu qiegħed ifittex ir-road maps għal diversi probemi, inkluż għal dawk li qabel l-elezzjoni li għaddiet tant ftaħar li kellu s-soluzzjonijiet għalihom

Bil-Kunsilli Lokali moribondi b’nuqqas ta’ finanzi, u bi Gvern li ma jidhirx li huwa interessat li jiddiċentralizza l-poter, toroq sekondarji bejn raħal u ieħor, li jistgħu jserrħu xi ftit it-toroq primarji mit-traffiku eżaġerat, tħallew fi stat ta’ abbandun. Żewġ eżempji ta’ dan huma t-toroq li minn Ħal Far jagħtu għaż-Żurrieq u għal Ħal Safi.

Il-Partit Nazzjonalista, ma qagħdx jistenna sa lejliet l-elezzjoni biex joħroġ bi proposti konkreti kif il-problema dejjem tikber tat-traffiku tittaffa. Is-sena l-oħra, f’dokument speċifiku, ippropona numru ta’ miżuri li huma fattibli u effettivi.  Fost dawn il-proposti hemm it-trasport b’xejn għat-tfal tal-iskejjel, għall-iskejjel kollha, li s-servizzi bħalissa ċentralizzati jinġiebu eqreb lejn ir-residenti permezz tal-Kunsilli Lokali u inċentivi posittivi sabiex jitnaqqsu l-karrozzi mit-toroq.

Iktar minn hekk, il-Partit Nazzjonalista qiegħed jippreżenta ideat innovattivi u soluzzjonijiet possibbli għal din il-problema fuq firxa itwal ta’ snin. Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jipproponi sistema ta’ trasport tal-massa, taħt u fuq l-art,  li tkun is-sinsla tas-sistema tat-trasport li tgħaqqad in-nofsinhar ta’ Malta ma’ Għawdex, ikkumplimentata minn sistemi iżgħar iddisinjati skont l-eżiġenzi ta’ żoni partikolari, u implimentata f’fażijiet sabiex l-effett tagħha jibda jinħass minn kmieni. Ironikament, bħalma ġara fil-każ tal-mina bejn Malta u Għawdex, wara żmien jirredikola l-proposti konkreti tal-Partit Nazzjonalista, il-Gvern Laburista jibda jaħseb kif ser jagħmilhom tiegħu!

In-nies, mhux biss qed tifhem imma issa qed tħoss ukoll li għall-korruzzjoni qed iħallsu huma. Kważi ħames snin ilu ġejna assigurati li tenħtieġ power station ġdida sabiex jorħsu l-kontijiet tad-dawl. Huwa fatt li fejn sar traħħis, dan sar grazzi għal proġetti ta’ Gvern Nazzjonalista u żgur mhux grazzi għat-tanker tal-gass li ser ikkollhom jitwikkew bih għal tmintax-il sena sħaħ ir-residenti ta’ Marsaxlokk u ta’ Birżebbuġa. In-nies ma tistax tifhem kif bil-prezzijiet taż-żejt ħafna orħos, mhux talli l-petrol u d-diesel ma raħsux kemm kellhom jorħsu, talli dawn għolew.

In-nies tal-ħames distrett iħossuhom abbandunati minn dan il-Gvern. Proġetti ta’ faċilitajiet sportivi, mibdija mill-gvern preċedenti, wara kważi ħames snin għadhom mhux kompluti. Il-faċilitajiet sportivi f’Ħal Kirkop, anke jekk il-klabb tal-futbol għamel investimenti kbar fihom, għadhom ma ġewx mgħoddija lill-istess klabb kif xieraq. Il-Klabb Regatta Birżebbuġa, minkejja l-ħafna wegħdi, tħalla mingħajr saqaf minn fejn jopera. Triq il-Kuċċard f’Ħal Safi, Vjal ix-Xarolla fiż-Żurrieq u l-promenade tal-Qajjenza ilhom mibdijin snin u l-progress sa issa huwa wieħed minimu, b’inkonvinjent sħiħ għar-residenti għal dan iż-żmien kollu. L-anzjani u l-familjari tagħhom għadhom qed jistennew id-dar tal-anzjani u night shelter li ġew imwiegħda.

Politika onesta tagħti s-setgħa lin-nies kuljum, mhux biss f’jum l-elezzjoni, u mingħajr il-ħtieġa li tmur titkarrab għand il-politiċi

In-naħa t’isfel ta’ Malta, bħal kull parti oħra tal-pajjiż, għanda l-ħtiġiet speċifiċi tagħha. Dawn il-ħtiġiet jinbidlu u tal-lum mhumiex bħal tal-bieraħ. Il-Partit Nazzjonalista qiegħed joffri stil ġdid ta’ politika, politika b’risq in-nies, politika għan-nies u dwar in-nies. Din il-politika ma tagħtix każ biss tal-istampa l-kbira u n-numri. Il-politika onesta li qiegħed jippreżenta Simon Busuttil hija dik il-politika li ma tistmax biss lin-nies bħala elettorat, ma tistmax lin-nies skont min huma jew skont kemm huma qrib in-nukleu tal-poter. Politika onesta tagħti s-setgħa lin-nies kuljum, mhux biss f’jum l-elezzjoni, u mingħajr il-ħtieġa li tmur titkarrab għand il-politiċi. In-nies xebgħet minn politika li twiegħed ħafna u tagħmel ftit. In-nies qed tfittex politika li tagħti każ tagħhom kuljum.

Stanley Zammit huwa kandidat tal-Partit Nazzjonalista fuq il-ħames distrett (l-artiklu deher qabel kienet msejħa l-elezzjoni)

More in Politika