Il-GWU lesta tiddiskuti l-proposta tal-festi pubbliċi li għamel Joseph Muscat

Mill-2005 sal-lum, il-GWU ma waqfitx titlob lill-amministrazzjonijiet varji tal-pajjiż biex dak li nsteraq jintradd lura lill-ħaddiema

Il-General Workers’ Union tilqa’ b’mod pożittiv il-proposta tal-Partit Laburista li wara l-elezzjoni li jmiss se jkun qed irodd lura l-festi pubbliċi li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa, u li kienu insterqu mill-Partit Nazzjonalista lura fl-2005.

Il-GWU tfakkar li malli l-Gvern Nazzjonalista seraq dawn il-jiem hija fetħet każ u rebħitu quddiem l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) fejn l-istess Gvern Nazzjonalista kien ikkundannat għal mod kif aġixxa u arbitrarjament indaħal fin-negozjar tel-ftehim kollettiv bejn l-unjins u min iħaddem.

Mill-2005 sal-lum, il-GWU ma waqfitx titlob lill-amministrazzjonijiet varji tal-pajjiż biex dak li nsteraq jintradd lura lill-ħaddiema. Issa li pajjiżna jinsab igawdi minn suċċess ekonomiku b’saħħtu u minn tisħiħ fil-produttività tal-pajjiż, il-Union hija sodisfatta li l-Partit Laburista ħa kont tas-sitwazzjoni, laqa’ t-talbiet tal-GWU, u kkommetta lilu nnifsu li jroddhom lura. Il-GWU lesta biex tkompli tiddiskuti kif dawn il-jiem, gradwalment jingħataw lura lil ħaddiema.

More in Politika