Justyne Caruana f’taħditiet mal-unions f’Jum il-Ħaddiem

Hija rringrazzjat lill-unions u lill-ħaddiema nfushom li jwasslu l-ħafna servizzi lill-anzjani u lill-persuni b’diżabilità taħt il-ħarsien tas-Segretarjat Parlamentari li tmexxi

“Huwa xieraq li f’Jum il-Ħaddiem niltaqa’ u nirringrazzja lill-unions u lill-ħaddiema nfushom li jwasslu l-ħafna servizzi lill-anzjani u lill-persuni b’diżabilità taħt il-ħarsien tas-Segretarjat Parlamentari li mmexxi.”

Dan kien il-kumment tas-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana meta fl-Ewwel ta’ Mejju ltaqgħet mal-uffiċjali tal-GWU, tal-UĦM u tal-MUMN, kif ukoll tad-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità.

Caruana fissret li r-relazzjoni kontinwa bejn is-Segretarjat li tmexxi u l-eluf ta’ klijenti madwar Malta u Għawdex hija fil-forma ta’ servizzi varji li jitwasslu b’tant dedikazzjoni minn mijiet ta’ ħaddiema u professjonisti. “Dawn huma l-persuni li jservu bħala l-wiċċ u l-qalb għall-ippjanar, il-leġiżlazzjoni u l-investiment kollu tal-Gvern permezz tal-entitajiet kollha li tagħhom jiena responsabbli. Kien jixraq għalhekk li meta l-pajjiż qed ifakkar il-kontribut tal-ħaddiema fil-ħajja tal-pajjiż, jiena nesprimi l-apprezzament tal-Gvern u tal-komunità lejn dawn il-ħaddiema.”

Hija qalet li hemm 730 impjegati mal-Gvern fi gradi li jvarjaw minn management, professjonisti, carers u ħaddiema manwali. Hemm ukoll aktar minn 300 oħra mal-kuntratturi privati li jipprovdu servizzi f’setturi varji. Il-firxa ta’ servizzi tilħaq eluf ta’ klijenti madwar Malta u fl-aħħar sentejn f’Għawdex ukoll, inklużi anzjani fi djar residenzjali u fil-komunità.

“L-investiment qawwi li nagħmlu fit-taħriġ professjonali ta’ dawn il-ħaddiema juri kemm huwa importanti għall-Gvern ir-riżors uman, għax minbarra li ngħollu l-livell tas-servizzi li nagħtu, noffru inċentiv lill-istess ħaddiema biex itejbu l-kwalifiki fil-karriera tagħhom,” kompliet tgħid Dr Justyne Caruana. Hija faħħret il-koperazzjoni li ssib mingħand it-tradeunions biex il-Gvern jassigura li, filwaqt li s-servizzi jingħataw kif ippjanat, il-ħaddiema jingħataw għarfien sħiħ tal-kundizzjonijiet tal-impjieg.

Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana semmiet ix-xogħol li għaddej bħalissa biex ikun hemm iktar ħarsien għas-saħħa tal-impjegati u infatti twaqqaf unitapposta li hu meqjus l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu fost il-ħaddiema fis-servizz pubbliku. “Ix-xogħol li jwettqu l-ħaddiema tagħna sikwit joffri sitwazzjonijiet delikati li jeħtieġu aktar protezzjoni għal dawk li jwasslu s-servizzi lill-klijenti fejn ikun hemm bżonn u aħna nifhmu d-dmir li nipprovdu dan il-ħarsien,” qalet Dr Justyne Caruana.

Għalhekk sensiela ta’ miżuri konkreti dwar risk assessment, sistemi ta’ moniteraġġ kontinwu u mekkaniżmu ta’ rappurtaġġ li jista’ jsir mill-ħaddiema stess permezz tar-rappreżentanti magħżula minnhom (li hemm diġà 29 rappreżentant), tagħmir u lbies protettiv, kif ukoll tagħmir adattat fid-djar, fiċ-ċentri u fl-uffiċini. Dawn il-kundizzjonijiet se jkunu nkorporati wkoll fil-klawsoli tal-kuntratti mal-privat sabiex ikun assigurat li kull impjegat, kemm tal-Gvern kif ukoll tal-kuntrattur, li jaħdmu fis-settur ikollhom is-serħan tal-moħħ. Hija fakkret kif kien is-Segretarjat tagħha li kien tal-ewwel li beda jimplimenta l-miżuri kontra l-prekarjat u għadha għaddejja ħidma kbira biex iktar ħaddiema jibbenefikaw minn dawn il-miżuri.

Hija awgurat li l-esperjenza pożittiva ta’ ħidma id f’id u djalogu kontinwu li nbniet tul dawn l-erba’ snin, tissokta fis-snin li ġejjin. “Irridu nassiguraw li l-koperazzjoni bejnietna tkompli tagħti l-frott sabiex meta ngħidu ‘Soċjetà Ġusta’ inkunu qed infissru servizzi ta’ kwalità kif jixraq u fl-istess ħin sens ta’ dak li hu ġust għall-impjegati fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom,” saħqet is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana. Hija temmet tgħid li l-laqgħat ta’ dalgħodu f’Jum il-Ħaddiem ikomplu juru l-apprezzament tagħha għall-ħidma tal-impjegati tul is-sena kollha.

More in Politika