Inċertezza bla bżonn

L-Editorjal tal-ILLUM

Kakrikatura | Mikiel Galea
Kakrikatura | Mikiel Galea

Iddejjaq kemm iddejjaq lil xi wħud, huwa fatt li dan il-pajjiż kien miexi tajjeb. L-ekonomija lokali kienet qed tagħmel kisbiet kbar, dan il-pajjiż kien qed jattira lejh l-investiment, u l-qasam tax-xogħol kien fl-iktar stat b’saħħtu li ilu ma jkun mis-snin disgħin. Il-pajjiż kien qed jikseb rekords fit-turiżmu, rekords fin-numru ta’ nies li kienu f’impjieg, rekords fil-qligħ ta’ diversi negozji madwar il-pajjiż u għall-ewwel darba, Malta għamlet surplus, jiġifieri għamlet il-flus.

F’dawn l-erba’ snin, il-qasam tal-bini kien għaddej tajjeb ħafna u miegħu kull min jaħdem fih, f’aġenzija tal-proprjetà u kull min b’ħidmietu u bil-flus li qala’, għamel investiment fi proprjetà. Iktar fabbriki u lukandi investew u nħolqu postijiet rekord tax-xogħol.

Il-pajjiż, kien sejjer tajjeb u dan ma jgħidux il-Partit Laburista u lanqas Joseph Muscat, dan qaluh kull aġenzija ta’ kreditu li eżaminat is-saħħa tal-ekonomija ta’ pajjiżna. Ma jfissrix li kulħadd kien sejjer tajjeb. Ma jfissirx li ma kienx hemm min kien sejjer ħażin anqas. Din il-gazzetta, fil-fatt għal bosta drabi fakkret u rrappurtat dwar diversi problemi soċjali li kienu u għadhom qed jiffaċċjaw jew individwi jew saħansitra sezzjonijiet sħaħ tal-popolazzjoni.

Imma mbagħad, f’daqqa waħda, il-ġimgħa l-oħra Daphne Caruana Galizia ppubblikat allegazzjonijiet mill-aktar gravi, li jimplikaw li Michelle Muscat hija sid jew shareholder tal-kumpanija Egrant u li f’din il-kumpanija ntefgħu iktar minn $1 miljun minn kont fl-Azerbajġan. U l-pajjiż intefa’ f’inċertezza kbira. Il-klima politika qraset sew u Malta tħalliet f’aspettativa. Il-PM sejjaħ inkjesta Maġisterjali u kulħadd, ħlief min għamel l-allegazzjoni, tela’ jixhed mingħajr problema ta’ xejn.

The stakes are very high kif jgħidu bl-Ingliż u kellu bżonn inkunu nafu l-eżitu tal-inkjesta kemm jista’ jkun malajr. L-ewwel, biex din l-inċertezza fil-pajjiż tieqaf u t-tieni biex inkunu nafu min huwa l-vera giddieb f’dan l-episodju kollu.

Jekk il-provi kontra Michelle Muscat mhux se jiġu ppruvati quddiem il-Qorti, u nfakkru li min għamel l-allegazzjoni qalet li għandha d-dokumenti, mela allura nistgħu naslu għal konklużjoni waħda u sfortunata. Jiġifieri li dahru mal-ħajt, il-Kap tal-Oppożizzjoni rrikorra għal tattika mill-aktar moqżieża u mill-aktar gravi u apparti li jkollu jġorr il-piż tal-gidba li għamel tiegħu, ikollu jġorr ukoll il-piż tal-inċertezza li għaddej minnu l-pajjiż.

Jekk l-inkjesta tasal għall-konklużjoni li jew Muscat kienet sid/shareholder jew inkella, aktar gravi, li rċeviet flus illeċti, mela allura l-Prim Ministru mhux talli jkollu jirreżenja minn Prim Ministru u Kap tal-Partit Laburista, talli ma jkollu ebda għażla ħlief li jissottometti lilu nnifsu għal proċeduri legali.

Għalhekk, daqskemm l-elezzjoni ġenerali bħalissa hija tajba għax iġġib mill-ġdid in-normalità, l-inċertezza tieqaf biss meta jkun magħtuf jekk l-allegazzjoni li staġnat pajjiż hix veritiera jew inkella hix frott ta’ malizzja u rgħiba għall-poter.

Jalla s-sewwa jirbaħ żgur.

More in Politika