Balzan jiftaħ ilment ma' Vodafone, GO u l-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data

Fil-blogg tagħha, DCG tat dettalji ta' telefonati li saru, bit-tul u l-ħin tagħhom, flimkien man-numri tat-telefon

Id-Direttur Maniġerjali ta' MediaToday Saviour Balzan, issottometta lment mal-kumpaniji Vodafone u GO, jesiġi li jinvestigaw ksur tad-data personali mill-kumpaniji tagħhom internament u jiddeterminaw is-sors ta' dan il-ksur.

Dettalji tal-telefonati ġew żvelati fil-blogg ta' Daphne Caruana Galizia, meta rreferiet għal telefonati li saru bejn Balzan u ċ-chief of staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

Fl-ittra tiegħu lill-kumpaniji telefoniċi, li inkludiet ukoll ilment lil-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data, Balzan talab li l-kumpaniji jieħdu azzjoni immedjata kontra min jinstab li huwa involut f'din il-vjolazzjoni tar-regoli tal-protezzjoni.

Balzan irriserva wkoll id-dritt li jieħu azzjoni legali kontra l-kumpaniji jekk dawn ma jiħdux azzjoni fuq dan il-ksur.

Fl-ilment tiegħu, Balzan qal li Caruana Galizia kienet taf bir-rekords telefoniċi u informazzjoni personali oħra, ħaġa li ġiet ikkonfermata iktar tard minn DCG stess meta kitbet dettalji speċifiċi dwar l-allegati telefonati, inkluż in-numri tat-telefon, is-service provider, il-ħin u t-tul tat-telefonati.

"Dawn ir-rekords tat-telefonati juru b'mod ċar dettalji personali kif inhu definit taħt artiklu 2 tal-Protezzjoni tad-Data," qal Balzan fl-ilment tiegħu. Nirrikonoxxi li persuni pubbliċi huma suġġet ta' skrutinju ġurnalistiku. Minkejja dan, il-libertajiet ġurnalistiċi u d-dritt tal-libertà tal-espressjoni ma jinkludux id-dritt li tiġi proċessata d-data mingħajr il-kunsens tas-suġġett tad-data."

"Huwa evidenti li dawn id-dettalji personali ġew ipproċessati illegalment u illeġittimament u mingħajr ebda ġustifikazzjoni minn ħaddiem jew iktar jew membri tal-istaff sabiex iservu għall-għanijiet ta' Daphne Caruana Galizia. Dan l-ipproċessar illegali huwa ksur ċar tal-privatezza u jista' jikkostitwixxi f'multa li tlaħħaq it-€23,000. Dan minbarra l-ksur taħt il-liġi kriminali."

Balzan talab ukoll lill-Kummissarju tad-Data sabiex jinvestiga dan il-ksur tad-data immedjatament.

B'risposta għall-ilment ta' Balzan, Vodafone Malta ħarġu stqarrija li fiha sostnew li se jkunu qegħdin joffru koperazzjoni totali lill-awtoritajiet dwar dan il-ksur.

Vodafone Malta sostnew li huma jieħdu l-privatezza tal-klijenti tagħhom bis-serjetà ħafna u għaldaqstant qegħdin iwettqu investigazzjoni interna dwar l-allegazzjoni ta' Balzan. S'issa l-kumpanija stqarret li għad m'għandha ebda indikazzjoni li seta' kien hemm xi tbabis fis-sistemi użati għall-protezzjoni tal-komunikazzjoni tal-klijenti.

More in Politika