Ħames konsorzji jitfgħu l-proposti għar-restawr u manutenzjoni tal-Addolorata

Huwa stmat li l-investiment fiċ-ċimiterju jlaħħaq is-€17-18 miljun

.
.

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li wara sejħa għal xogħlijiet fiċ-ċimiterju tal-Addolorata, ħames konsorzji tefgħu l-proposti u d-dokumentazzjoni tagħhom.

Minħabba f'hekk, il-Gvern issa jinsab f'pożizzjoni sabiex jiffirma konvenju lil dawk li kienu rreġistraw u qed jistennew li jixtru qabar ġdid.

Dan il-proġett, sostna Fearne, huwa stmat li għandu bżonn bejn €17-18 ta' investiment u finalment, se tkun qed tiġi magħżula l-aħjar offerta, fost dawk sottomessi.

"Għaldaqstant, illum ninsabu f'pożizzjoni li nibdew nibagħtu l-ittri lil dawk il-persuni li kienu rreġistraw, sabiex mix-xahar id-dieħel, inkunu nistgħu nibdew niffirmaw il-konvenju," qal Fearne waqt li żied jgħid li hemm mal-2,800 qabar disponibbli u se jkunu qed jiġu offruti lil dawk il-persuni li jinsabu fuq il-lista. Żied jgħid kif hemm madwar 4,000 persuna li qed tistenna li tingħata qabar.

Dan il-public-private partnership li se jidħol fih il-gvern mal-konsorzju magħżul, se jkun jinvolvi estensjoni ta' 26,000 metru kwadru li jinkludi fih 2,880 qabar, kif ukoll kull manutenzjoni li jkun hemm bżonn. Il-konsorzju magħżul se jkun obbligat ukoll li jamministra s-servizzi fiċ-ċimiterju għal perjodu ta' 15-il sena u jkun obbligat li jinvesti minimu ta' €6 miljun fuq xogħlijiet ta' restawr.

Il-Ministru saħaq li l-impjegati taċ-ċimiterju se jibqgħu ħaddiema tal-gvern u x-xogħol tagħhom se jibqa' jsir bit-termini tal-ftehim kollettiv li dawn għandhom mal-Gvern, li imbagħad il-Gvern se jingħata l-flus lura ta' dawn il-pagi mill-konsorzju.

Fearne qal ukoll li wara li kienet inbidlet l-amministrazzjoni taċ-ċimiterju fil-bidu tas-sena, instab li dan ma kienx jilħaq l-istandars u għaldaqstant, reġa' nbidel.

Il-Ministru għas-Saħħa sostna wkoll li jekk kollox jimxi skont il-pjan, ix-xogħlijiet mistennija jibdew sa tmiem din is-sena u l-ewwel oqbra jingħataw fil-bidu tal-2018.

More in Politika