F'erba’ snin in-numru ta’ persuni jirreġistraw naqas għal terz l-ammont ta’ Marzu 2013

F’Marzu li għadda n-numru ta’ persuni fuq ir-reġistru tal-qgħad naqas għal 2,649 li huwa l-inqas ammont ta’ nies jirreġistraw mindu bdew jinġabru dawn il-figuri fis-snin sittin...

F’Marzu li għadda n-numru ta’ persuni fuq ir-reġistru tal-qgħad naqas għal 2,649 li huwa l-inqas ammont ta’ nies jirreġistraw mindu bdew jinġabru dawn il-figuri fis-snin sittin. Imqabbel ma’ sena ilu, il-qgħad naqas b’1,348 persuna, filwaqt li meta mqabbel ma’ Marzu 2013, in-numru ta’ nies jirreġistraw huwa 4,701 inqas.

Dan ifisser li issa n-numru ta’ dawk jirreġistraw niżel għal terz ta’ dak li kien fil-bidu ta’ din il-leġislatura.

Taħt din l-amministrazzjoni, bħala medja, kull jumejn, sitt persuni li kienu qiegħda sabu xogħol. B’kuntrast, matul il-ħames snin tal-amministrazzjoni preċedenti, kull jumejn persuna iktar kienet tispiċċa tirreġistra. Fiż-żmien meta Simon Busuttil kien Viċi Kap tal-Partit fil-Gvern, in-numru ta’ nies jirreġistraw kien saħansitra żdied b’erba’ persuni kull jumejn.

L-istatistika ppublikata llum turi li n-numru t’ Għawdxin jirreġistraw għax-xogħol reġa’ waqa’ taħt il-500 persuna, rekord mis-snin sittin ’l hawn. Fil-fatt,f’Marzu li għadda, kien hemm 488 persuna jirreġistraw f’Għawdex, kontra s-742 fi tmiem l-amministrazzjoni li għaddiet, jiġifieri tnaqqis ta’ 34%. 

It-tnaqqis qawwi fil-qgħad f’Malta u f’Għawdex qed jinħass l-aktar fost iż-żgħażagħ. F’din l-età, kien hemm tnaqqis ta’ 907 persuni qegħda mill-bidla fl-amministrazzjoni. Miżuri bħall-garanzija għaż-żgħażagħ - dik li l-Kap tal-Oppożizzjoni jsejjaħ il-garanzija tal-washing machine – sa issa kienu s-soluzzjoni għan-nuqqas ta’ xogħol ta’ seba’ minn kull għaxar żgħażagħ qegħda fi żmien meta Simon Busuttil kien Viċi Kap tal-Partit fil-Gvern.

Mill-bidla fl-amministrazzjoni kien hemm ukoll tnaqqis ta’ 1,781 persuna f’dawk qegħda ta’ età ta’ 45 sena jew aktar, kategorija ta’ nies qegħda meqjusa fost l-iktar eskluża mis-suq tax-xogħol. Dan ifisser li, għal kull għaxar persuni ta’ 45 u iktar li kienu qegħda fil-bidu ta’ din l-amministrazzjoni, illum hemm erbgħa biss.

Kategoriji oħra meqjusin f’riskju soċjali wkoll urew titjib. Fost dawk li ilhom jirreġistraw għal iktar minn sena, mill-bidu ta’ din il-leġislatura, kien hemm tnaqqis ta’ 1,624. Dan kien frott miżuri biex dawk l-iktar esklużi mis-suq tax-xogħol jingħataw opportunitajiet ġodda biex jintegraw mill-ġdid u jtejbu l-livell ta’ għejxien tagħhom.

Suċċess ieħor li nkiseb kien fost persuni b’diżabilità bla impjieg. F'Marzu dawn kienu naqsu għal 304 minn 564 fil-bidu ta’ din il-leġislatura. Dan it-tnaqqis ta’ kważi nofs seħħ grazzi għall-miżuri ta’ inklużjoni u l-infurzar ta’ liġjiiet favur persuni b’diżabilità.

Fi tmiem l-amministrazzjoni preċedenti 7,350 persuna f’pajjiżna kienu bla xogħol, żieda ta’ kważi elf persuna f’ħames snin. Sa issa f’din il-leġislatura, l-amministrazzjoni preżenti għenet lil 4,700 persuni qegħda jsibu impjieg li jixirqilhom.

Il-fatt li pajjiżna s’issa ra n-numru ta’ dawk jirreġistraw jaqa’ għal terz ta’ dak li kien fil-bidu ta’ din il-leġislatura huwa l-aqwa ċertifikat li Malta għandha ekonomija fejn il-ġid qed jasal għand kulħadd.

More in Politika