'Simon Busuttil ma jistax ikun f'żewġ postijiet fl-istess ħin'

  • Il-Gvern jikkritika lill-Kap tal-Oppożizzjoni għax ma deherx quddiem il-Qorti f'każ kontra Keith Schembri 
  • Il-PN ifakkar illi Busuttil kien qiegħed quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja

Simon Busuttil
Simon Busuttil

"Wara iktar minn sena jagħmel akkużi gravi fil-konfront ta’ Keith Schembri, sa din il-ġimgħa stess, il-Kap tal-Oppożizzjoni llum reġa’ għal darb’oħra sab skuża biex ma jixhidx bil-ġurnament f’Qorti miftuħa, fejn ikun jista’ jġib il-provi tal-akkużi li għamel, f’libell li fetaħlu ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru." 

Dan stqarru l-Gvern fi stqarrija li fiha akkuża lill-Oppożizzjoni illi Busuttil "Illum iddeċieda li b’mod konxju u orkestrat isib mod kif jevita li jidher f’Qorti miftuħa. Minflok, għażel li jmur jixhed quddiem Qorti oħra fil-magħluq."

Ikkuntattjat minn dan is-sit Kelliem għall-Partit Nazzjonalista saħaq illi l-Gvern qed jipprova jidħaq bin-nies għax jaf li Busuttil kien qiegħed quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja, fejn qed jippreżenta dak li sejjaħ provi fil-konfront ta' Keith Schembri. "Il-Kap tal-Oppożizzjoni ma jistax ikun f'żewġ postijiet fl-istess ħin,' sostna l-istess kelliem. 

"Mhux minnu li l-Kap tal-Oppożizzjoni ma riedx imur jixhed fil-kawża ta’ libell ta’ Keith Schembri. Anzi, l-kawża ta’ libell ġiet differita bi qbil bejn iż-żewġ naħat peress li l-Kap tal-Oppożizzjoni ntalab mill-Maġistrat Aaron Bugeja biex jixhed quddiemu fl-investigazzjoni kriminali li qed jagħmel dwar il-Prim Ministru," sostna Busuttil.  

Intant fi stqarrija l-PN sostna li l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil "għamel aktar minn siegħa jippreżenta l-provi tal-korruzzjoni fl-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja li qed jagħmel inkjesta kriminali fuq il-Prim Ministru u ċ-Chief of Staff tiegħu."

 

 

More in Politika