Żieda fil-paga minima ta' €416 sal-2019

Il-5,000 persuna li qegħdin fuq il-paga minima se jkunu intitolati għal żieda massimu ta' €8 fil-ġimgħa

Sal-2019, il-paga minima se tkun għoliet b'massimu ta' €8 fil-ġimgħa, jew €416 f'sena, u dan minbarra ż-żieda fl-għoli tal-ħajja (COLA). Dan wara li nhar il-ġimgħa li ġej, il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) se jkun qed jiffirma l-ftehim li mistenni jara l-ewwel żieda fil-paga minima, lil hinn mill-COLA. 

Huwa kkalkulat li hawn madwar 5,000 persuna fuq il-paga minima, li b'dan il-qbil il-ġdid, se jkunu intitolati għal €3 żieda fil-ġimgħa fi tmiem l-ewwel sena mal-istess impjegatur u €3 oħra mat-tmiem tat-tieni sena.

Dr Gordon Cordina, li ġie mqabbad mill-MCESD sabiex jistudja din il-kwistjoni u jippreżenta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu, irrikonoxxa li dan kien kważi nofs ta' dak li kien qed jiġi mitlub mill-imsieħba soċjali fi ħdan il-Kampanja Paga Minima Diċenti, iżda nsista li l-Kunsill ma riedx li jkun hemm sitwazzjoni ta' 'ripple effect' fejn il-paga minima tilħaq pagi iktar għolja.

"Ejja nkunu ċari, dan il-ftehim mhux immirat u lanqas se jkun qed jeradika l-faqar," sostna Cordina.

Il-ftehim jgħid ukoll li fl-2018 u 2019, il-persuni bil-paga minima se jkunu qed jaqilgħu €1 iktar fil-ġimgħa, minbarra ż-żieda tal-COLA.

Kull erba' snin, l-MCESD se jkun qed jippreżenta r-rakkomandazzjonijiet lill-gvern tal-ġurnata sabiex ikun jista' jirrevedi din il-paga.

Dan jiġi wara li din il-gazzetta, lura f'Ottubru kienet żvelat kif 16-il għaqda li ngħaqdu taħt il-kappa ta' 'Kampanja Minima Diċenti', li kienet qed tipproponi li l-paga minima ta' ħaddiem full time tiżdied minn €168 għal ftit inqas minn €174 fil-ġimgħa, fit-tieni sena terġa tiżdied għal €180 fil-ġimgħa u fl-aħħar sena tilħaq il-€186.27 fil-ġimgħa. B'hekk, 'Kampanja Paga Minima Diċenti' kienet qed tappella għal żieda ta' €18.30 fil-ġimgħa, €79 fix-xahar jew €950 fis-sena, fl-aħħar tat-tielet sena.

Intant, fi stqarrija maħruġa miIl-Kampanja Paga Minima Diċenti, il-grupp ta' għaqdiet soċjali urew diżappunt għall-ammont ta’ żieda fil-paga minima li ġie maqbul bejn il-gvern u l-imsieħba soċjali. "L-ammont propost hu żgħir wisq, u ma jippermettix li l-pagi l-iktar baxxi jsiru ġusti u diċenti," stqarret il-Kampanja.

F’dan ir-rigward, il-Kampanja Paga Minima Diċenti qed issejjaħ konferenza stampa għal nhar is-Sibt filgħodu, fil- 11:00, f'67, Strada Strett, Valletta.

More in Politika