Jintlaħaq ftehim bejn il-Gvern u l-bank APS għal għajnuna f'self ta' flus għall-proprjetà

Diġà mħejji pjan ta' 5 snin għas-settur tal-'housing' li se jibqa' jiġi rfinat...

Illum, intlaħaq l-ewwel ftehim tat-tip tiegħu bejn il-Gvern u bank lokali sabiex tingħata għajnuna lil dawk li jridu jissellfu biex jixtru proprjetà imma fil-passat ma kienx possibbli għalihom minħabba raġunijiet varji, fosthom dħul baxx jew in-nuqqas tas-somma mitluba għal depożitu.

"Il-problema tal-'housing' se nattakkawha minn diversi angoli, jekk indaħħu diversi skemi mal-banek u s-settur privat fost l-oħrajn, inkunu nistgħu nagħtu direzzjoni f'dan il-qasam u ngħinu lil min hu vulnerabbli. Dan hu lewwel ftehim tal ewwel xorta tiegħu," sostna l-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, Michael Farrugia, waqt konferenza tal-aħbarijiet biex iħabbar din l-iskema.

Din l-iskema bejn il-Gvern u l-bank APS, hi immirata għal dawk li qegħdin fil lista ta' stennija għall-housing u/jew jibbenefikaw mis-sussidju tal-kera, imma għandhom impjieg stabbli.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet ta' dalgħodu intqal kif min qiegħed jirċievi sussidju fuq il-kera privata se jibqa' jirċievi għajnuna, li issa tista' tiġi mibdula f'sussidju, fi ħlas lura għall-bank, meta jittieħed loan. Min jikkwalifika għal din l-għajnuna se jkun jista' jingħata sa massimu ta' €100,000 biex jixtri proprjetà.

Is-sussidju li jingħata għall-kera se jinbidel f'għajnuna fil-pagamenti ta' 'loan'.

Sabiex persuna, jew koppja tikkwalifika għal għajnuna fuq self mill-bank għax-xiri ta' proprjetà, il-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali (FSWS) se tkun qed tagħmel 'assessment' fuq il-persuni biex jidħlu fl-iskema. F'każ li tinqala' xi problema biex jingħata s-self, il-fondazzjoni tkun lesta biex tidħol tagħti l-għajnuna lill-applikant/i.

Sabiex koppja, jew persuna tikkwalifika għal din l-għajnuna, irid ikun hemm impjieg u dħul ta' paga stabbli. Fil-passat, minkejja dan, dħul baxx f'ħafna każi kien jirriżulta minn rifjut mill-banek li jingħata self u ħafna drabi dawn in-nies lanqas biss kienu jibdew il-proċess tal-loans u lanqas jiġu kkunsidrati. 

Fil-fatt, anke fejn jidħol id-depożitu ta' 10%, il-Gvern se jkun qed jidħol għax-xerrej, bl-ammont tad-depożitu jkun qed jiżdied mal-ammont totali tal-loan. Intqal ukoll kif min qed jirċievi sussidju fuq il-kera mingħand il-Gvern, dan mhux se jkun qed jitilfu, anzi dan il-pagament se jkun qed jibda jmur direttament għall-ħlas tal-loan. Il-Ministru qal ukoll li dan se jsir bil-għan li iktar nies isiru sidien ta' darhom, u b'pagamenti ta' loan, ix-xerrej ikun jaf kemm għandu jħallas u għal kemm żmien, għal kuntrarju tal-kera li jaf togħla maż-żmien.

Din hi biss waħda minn numru ta' soluzzjonijiet biex fejn hu possibbli, nies jiġu mħajjar jsiru sid ta' darhom. Bħalissa hawn madwar 900 persuna li qed jistennew housing u 400 persuna li qed jircievu sussidju waqt li xorta għandhom impjieg full time.

Barra mill-APS, qed isiru wkoll diskussjonijiet ma' banek oħrajn u s'issa hemm ukoll entuzjażmu minn naħa tagħhom dwar dan il-kunċett.

Min-naħa tiegħu, Marcel Cassar mill-APS bank qal li din l-inizjattiva tagħmel parti mill-aspett tas-social banking tal-bank stess. Saħaq kif dan il-prodott ilu jinħadem għal xhur sħaħ u żied jgħid li kien lura f'Ottubru f'laqgħa li kellu ma' membri mill-Alleanza Kontra l-Faqar, beda jaħdem fuq din l-idea. 

More in Politika