Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

It-Turkija f’salib it-toroq

Dawn huma żminijiet koroh għat-Turkija u l-Ewropej għandhom jibqgħu jgħinu lill-poplu qalbieni u ġeneruż Tork sabiex jakkwista l-istabbilità demokratika li tant jixraqlu

Joe Ellis / 24 t'April 2017 19:00
Il-Ħadd li għadda, fit-Turkija inżamm referendum biex japprova 18-il tibdila għall-kostituzzjoni li ma kinux ġew approvati mill-Parlament Tork mingħajr il-maġġoranza ta’ żewġ terzi. Il-kostituzzjoni attwali Torka kienet ġiet approvata f’referendum ieħor f’Settembru 2010 b’maġġoranza ta’ 58%. B’hekk, kienet inbidlet il-kostituzzjoni li kienet imponiet l-armata Torka qabel ma ħalliet il-poter minn idejha wara li kienet ħadet il-poter fl-1980. Dan kien it-tielet kolp ta’ stat li wettqet l-armata fl-istorja tar-repubblika Torka minn mindu twaqfet minn Mustafa Kemal Ataturk (missier it-Torok) fl-1923 li ssekularizza l-pajjiż. 

L-armata Torka dejjem pruvat tissalvagwardja l-wirt ta’ Ataturk u qieset ruħha bħala l-gwardjan tas-sekulariżmu Tork. Fl-1997, l-armata neħħiet mill-poter partit Iżlamista li kien qed imexxi koalizzjoni fil-gvern li wara ġie xolt fl-1998 mill-Qorti Kostituzzjonali. L-istorja riċenti tat-Turkija ġiet dominata minn Recep Tayyep Erdogan li kien jimmilita f’dan il-partit Iżlamista u wara li kien sindku ta’ Istanbul, l-akbar belt Torka, kien Prim Ministru bejn l-2003 u l-2014 u wara president.  Erdogan kien waqqaf il-partit tal-Ġustizzja u l-Iżvilupp, l-AKP fl-2001 flimkien ma’ l-eks president u eks ministru tal-affarijiet barranin, Abdullah Gul. Dan il-partit rebaħ l-elezzjoni tal-2002 iżda Erdogan ma setax jikkontesta għax kien weħel erba’ xhur ħabs u kien ipprojbit milli jikkontesta l-elezzjonijiet wara li kien irreċita poeżija reliġjuża fil-pubbliku. Madankollu, fl-2003 Erdogan laħaq Prim Ministru wara li l-parlament neħħa din il-projbizzjoni u sar membru tal-parlament. Huwa rebaħ l-elezzjonijiet kollha sakemm baqa’ Prim Ministru. Fl-2014, Erdogan iddeċieda li jikkontesta l-ewwel elezzjoni popolari li saret sabiex jintagħżel president u rebaħ b’52% tal-voti. Bla dubju, din kienet mossa ta’ Erdogan sabiex jirbaħ mandat popolari u eventwalment, jittrasforma l-pajjiż f’reġim presidenzjali.

"Dawn huma żminijiet koroh għat-Turkija u l-Ewropej għandhom jibqgħu jgħinu lill-poplu qalbieni u ġeneruż Tork sabiex jakkwista l-istabbilità demokratika li tant jixraqlu"
Erdogan huwa personalità qawwija ħafna u ma rtirax mill-ħajja politika attiva minkejja li laħaq president, u bħala gwardjan tal-kostituzzjoni, suppost ikun newtrali mingħajr rabtiet ma’ partiti.  Erdogan baqa’ prattikament imexxi l-pajjiż hu bil-Prim Ministru bħala pupazz. Anke fil-politika barranija, Erdogan baqa’ jiddetta l-aġenda hu. F’dawn l-aħħar sentejn, it-Turkija ffaċjat kriżi kbira mar-Russja wara li waqqgħet ajruplan Russu li kien daħal “aċċidentalment” għal ftit sekondi fl-ispazju tal-ajru tagħha kif ukoll il-kriżi tas-Sirja u bosta miljuni ta’ Sirjani spiċċaw jgħixu fit-Turkija. Fil-laqgħat li kellu ma’ mexxejja barranin minn Putin sa Merkel sa May u oħrajn dejjem kien ċar li l-kontroll tal-pajjiż hu f’idejn Erdogan.  

Mill-ewwel, Erdogan beda jaġita sabiex is-sistema politika Torka tinbidel minn waħda parlamentari għal waħda presidenzjali. U ra kif għamel sabiex immanipula l-avvenimenti politiċi b’mod u manjiera sabiex jilħaq dan it-tir. F’din il-ħaġa, Erdogan għandu kapaċità kbira: barra li huwa ferm brikkun, huwa oratur kbir li ma jiddejjaqx jgħajjar lil min jiqaflu biex jilħaq l-għan ta’ moħħu. Kif għamel dan l-aħħar meta għajjar bħala faxxisti lill-Ewropej li minħabba raġunijiet ta’ sigurtà, żammewh milli jorganizza laqgħat f’pajjiżhom dwar ir-referendum u lill-Olanda bħala relikwa Nazzista. 

Fl-elezzjoni ta’ Ġunju 2015, il-partit ta’ Erdogan, l-AKP ġab 41% tal-voti, 9% anqas minn qabel u ma setax imexxi waħdu. Agħar minn hekk, b’dan il-vot ma setax jissodisfa l-ambizzjonijiet presidenzjali tiegħu. Mentri l-oppożizzjoni tradizzjonali żammet mal-25% tal-voti, ir-rebbieħ il-kbir ta’ dawn l-elezzjonijiet kien il-partit favur il-kurdi, l-HDP li hu mmexxi mill-kariżmatiku Selahattin Demirtas. Peress li l-AKP baqa’ ma jridx jifforma koalizzjoni ma’ xi partit ieħor bħalma spiss jiġri f’pajjiżi demokratiċi oħra, elezzjoni oħra kienet inevitabbli. Imma sakemm wasal għaliha, Erdogan fetaħ gwerra kontra l-minoranza Kurda li skont diversi stimi hija ta’ madwar 20 miljun ruħ minn pajjiż ta’ 80 miljun. Għal snin twal, il-Kurdi kienu tassew imkażbra fit-Turkija mingħajr lanqas biss kellhom id-dritt li jitkellmu fil-pubbliku b’ilsienhom. Erdogan beda jiddiskuti magħhom kif ser jagħtihom aktar drittijiet u l-partit tiegħu kiseb appoġġ kbir mill-Kurdi konservattivi. Fl-2013, il-gvern Tork u l-partit tal-ħaddiema Kurdi, il-PKK iddikjaraw waqfien mill-ġlied wara snin twal ta’ ġlied ferm imdemmi. Madankollu, it-tamiet kollha għal ftehim aħħari tal-kwistjoni Kurda sfaxxaw fix-xejn wara Ġunju 2015 meta Erdogan dawwar il-qilla tiegħu għat-telfa elettorali fuq il-Kurdi u fetaħ kampanja militari kontrihom li għadha tikkawża ħafna mwiet. Erdogan għamel hekk sabiex jintogħġob mill-elettorat nazzjonalista li ma kienx ferħan li l-Kurdi jingħataw awtonomija u konċessjonijiet lingwistiċi. Raġuni oħra li ngħatat għal din l-istrateġija tat-terrur kienet li Demirtas kien urieh biċ-ċar li ma kienx ser jappoġġja l-ambizzjonijiet presidenzjali tiegħu.

It-tattiċi ta’ Erdogan tawh il-frott għaliex fl-elezzjonijiet il-ġodda ta’ Novembru 2015, il-partit tiegħu kabbar il-vot tiegħu l-aktar a skapitu tal-vot nazzjonalista u ġab il-maġġoranza tas-siġġijiet. Madankollu, l-HDP xorta qabeż l-10% tal-voti u daħal fil-Parlament. Imma bl-istrateġija tiegħu, Erdogan iddistabbilizza l-pajjiż speċjalment fir-reġjun tax-xlokk tat-Turkija fejn huma kkonċentrati l-Kurdi u gruppi Kurdi wettqu wkoll diversi attakki terrostiċi. Kif għamel ukoll l-Istat Iżlamiku li  Erdogan stess kien tah palata ġmielha meta kien iħalli l-ġellieda barranin jidħlu s-Sirja mit-Turkija.  Hemm anke rapporti dokumentati li nies tal-intelligence Torka għaddew armi lill-Istat Iżlamiku u li qraba ta’ Erdogan xtraw żejt mingħand l-Istat Iżlamiku. Erdogan kien wieħed mill-parrini, jekk mhux il-missier ta’ dan il-Frankenstein modern sabiex itajjar lil Bashar al-Assad mill-poter fis-Sirja. 

Minħabba dawn l-attakki terroristiċi, Erdogan beda aktar jinsisti fuq riforma kostituzzjonali biex jissaħħu l-poteri tal-presidenza. Imma l-avveniment kruċjali f’din il-mixja lejn reġim presidenzjali kien l-attentat ta’ kolp ta’ stat fil-15 ta’ Lulju li għadda. Dan il-kolp ta’ stat falla għaliex l-oppożizzjoni mill-ewwel uriet li mhix ser tappoġġja kolp ta’ stat militari ieħor u ddefendiet l-istituzzjonijiet repubblikani. Meta Erdogan skappa bi ftit milli jinħataf mil-lukanda fejn kien qiegħed għal vakanza f’Marmaris, huwa appella lis-segwaċi tiegħu fuq CNN Turk permezz ta’ telefon ċellulari sabiex jiddefendu l-gvern kostituzzjonali. Eluf kbar ta’ segwaċi tiegħu rrispondew għall-appell u bdew idawru l-karrijiet tas-suldati u l-kolp ta’ stat ma damx ma sfaxxa fix-xejn. 

Il-korla ta’ Erdogan ma kellhiex limitu. Waħħal fis-segwaċi ta’ predikatur eżiljat l-Amerika, Fethullah Gulen għal dan il-kolp ta’ stat. Gulen kien waqqaf setta ta’ Iżlam tolleranti u s-segwaċi tiegħu organizzaw ruħhom f’ċelloli bl-għan li jgħinu lihom infushom, speċi ta’ mażunerija. Għal ħafna snin, Gulen u Erdogan kienu alleati kbar. Erdogan ħalla lill-Gulentisti jakkużaw bi tradiment lil bosta uffiċjali għolja tal-militar, akkużi li eventwalment irriżultaw foloz. Minħabba f’hekk, il-Gulentisti ma tantx igawdu simpatija mill-elementi sekulari Torok. Madankollu, meta l-Gulentisti bdew jakkużaw bosta ministri ta’ Erdogan u anke qraba tiegħu b’korruzzjoni, Erdogan ħadha qatta bla ħabel kontrihom issa qed jipprova jestradixxi lil Gulen mill-Amerika. 

Il-Parlament approva stat ta’ emerġenza u Erdogan uża l-poteri l-ġodda mingħajr skruplu. Huwa kkalkulat li xi 150,000 ruħ tkeċċew mis-servizz pubbliku fuq l-iċken suspett ta’ simpatiji Gulentisti u xi 45,000 ruħ, fosthom tlettax-il deputat tal-HDP jinsabu l-ħabs. Fost dawn id-deputati, hemm iż-żewġ mexxejja tal-HDP. Barra l-Gulentisti, kull min kien b’xi mod kontra Erdogan, speċjalment Kurdi u sekulari spiċċaw fil-mira ta’ Erdogan, fosthom ħafna uffiċjali li kienu sekondati min-NATO. Barra minn hekk, Erdogan beda jsejjaħ li terġa’ tidħol il-piena kapitali minkejja li din żgur se twaqqaf darba għal dejjem l-applikazzjoni tat-Turkija sabiex tidħol fl-UE. Din l-applikazzjoni aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qiegħda ssir improbabbli u dan speċjalment minħabba t-tattiċi ta’ Erdogan kemm fil-politika domestika kif ukoll barranija.  

Il-kampanja għar-referendum qajla kienet bilanċjata u ġusta. Il-kamp tal-Iva kellu favurih ir-riżorsi kollha tal-Istat mentri l-oppożżizzjoni kienet imxekkla bil-kbir speċjalment fuq il-media tal-istat, b’bosta esponenti prominenti bħal Demirtas fil-ħabs. Il-kamp tal-IVA spiċċa rebaħ b’maġġoranza ta’ 52%, ferm anqas milli Erdogan stenna u Erdogan akkwista poteri ġodda a skapitu tal-leġiżlatura. L-uffiċju ta’ prim ministru ser jispiċċa u l-president se jkun jista’ jagħmel bosta liġijiet b’digriet u se ikollu aktar kontroll fuq il-ħatra ta’ mħallfin in ġenerali u tal-Qorti Kostituzzjonali. Biex inkunu ġusti, issa l-Parlament se jkun jista’ jneħħi l-president b’vot ta’ żewġ terzi tad-deputati. Imma Erdogan jista’ jikkontesta żewġ elezzjonijiet, u possibbilment tlieta oħra u jibqa’ fil-poter sal-2029.

Ir-rebħa ta’ Erdogan kienet ferm anqas milli stenna għax iż-żewġ partiti li kienu appoġġjaw il-bidla kostituzzjonali bejniethom ġabu 60% tal-vot fl-aħħar elezzjoni. Il-vot reġa’ wera qasma kbira bejn in-nies tal-bliet u tal-kampanja bl-elettorat fl-akbar ħames bliet Torok, inkluż Istanbul jivvota kontra l-bidla kostituzzjonali. Inqalgħet ukoll kwistjoni kbira għaliex bosta voti ma kienux ittimbrati imma ġew aċċettati minkejja li huma kontra l-liġi. 

Erdogan, indubbjament igawdi minn popolarità kbira fost it-Torok tal-kampanja li ma kellhomx il-privileġġi tal-elite sekulari tal-bliet u li ġawdew bis-sħiħ bil-politika ekonomika tiegħu u l-investimenti pubbliċi li wettaq il-gvern tiegħu. Madankollu, il-kult tal-personalità li qed jibni u l-modi awtoritarji tiegħu ma jawgurawx tajjeb għall-futur tad-demokrazija Torka. Minkejja kollox, madankollu, il-vot juri li l-għeruq demokratiċi torok huma sodi u numru kbir ta’ Torok ma jaqblux ma’ Erdogan u l-modi tiegħu. Il-partita għadha mhix mitlufa u għad jista’ jasal żmien fejn l-elettorat Tork jagħti l-ġenb lil Erdogan.

Dawn huma żminijiet koroh għat-Turkija u l-Ewropej għandhom jibqgħu jgħinu lill-poplu qalbieni u ġeneruż Tork sabiex jakkwista l-istabbilità demokratika li tant jixraqlu.

Avukat, opinjonist, Għawdxi, Ewropeist konvint. Barra l-prattika tal-professjoni li jħobb, hu direttur f'kumpaniji tal-familja. Xogħlu jġibu f'kuntatt ma' nies f'oqsma differenti. Isegwi l-iżviluppi politiċi u ekonomiċi f'bosta pajjiżi, speċjalment dawk Ewropej. Iħobb b'passjoni l-mużika lirika, klassika imma anke r-rock ta' dari.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook