Daphne Caruana Galizia tirrifjuta li tidher quddiem il-Maġistrat li qed imexxi l-inkjesta

Meta ġiet ordnata mill-Maġistrat biex tidher fil-Qorti, DCG irrifjutat u qalet li 'dak kollu li ridt nirrapporta jinsab fuq is-sit tiegħi'

Daphne Caruana Galizia rrifjutat li tidher quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja li qed imexxi l-inkjesta maġisterjali dwar l-allegazzjonijiet li għamlet hi stess fil-blogg tagħha, li l-kumpanija Egrant hi ta' mart il-Prim Ministru.

Fi blogg, Caruana Galizia spjegat li lbieraħ fil-11 ta' filgħodu ġiet ikkuntattjata minn pulizija mit-Taqsima ta' kontra l-Frodi sabiex f'nofsinhar, tidher fil-Qorti quddiem il-Maġistrat. Min-naħa tagħha hi rrifjutat u qalet li kien impossibbli li jsir dan għaliex kienet qiegħda d-dar tagħha taħdem, u ma kienx possibbli li tasal il-Belt f'temp ta' siegħa.

Żiedet tgħid li huma biss dawk li huma direttament taħt investigazzjoni li jiġu ordnati li jitilqu kollox minn idejhom u jmorru immedjatament għall-interrogazzjoni, u anke hemm, tkompli tgħid DCG, dawn iridu jkunu taħt arrest, inkella l-laqgħa jkollha ssir f'ħin maqbul miż-żewġ partijiet.

Lill-Pulizija Caruana Galizia qaltilha li jekk il-Maġistrat ried ikellimha dwar kwistjonijiet relatati mal-inkjesta, li hi mhix suġġett tal-inkjesta, "allura l-proċedura hi li hu jiktibli b'mod formali u hemm jien nirrispondi għal din it-talba permezz tal-avukat tiegħi u nispjega li laqgħa bħal din tkun bla skop, għaliex dak kollu li ridt nirrapporta diġà jinsab fuq is-sit tiegħi u l-bqija huwa kopert bil-liġi fejn tidħol il-protezzjoni tas-sorsi tal-ġurnalisti."

Anke jekk l-istess pulizija qaltlilha li din kienet ordni tal-Maġistrat u li kienu lesti li jmorru għaliha huma stess sabiex tiffranka l-ħin, hi baqgħet tirrifjuta.

Sostniet ukoll li kienet tkun xi ħaġa mhux korretta li ġurnalist jitkellem mal-Maġistrat li jmexxi inkjesta jew lill-pulizija, "għaliex il-ġurnalisti jiddependu mill-fiduċja totali tas-sorsi tagħhom." Dan filwaqt li sostniet li ma tridx li isimha jkun assoċjat ma' inkjesta farsa.

More in Politika