filmat | Muscat: 'Min iffalsifika d-dokument ħa żball fil-post ta' fejn twieldet Michelle'

  • Joseph Muscat jinsisti li d-dokument li ppublikat Caruana Galizia huwa falz 
  • Jistaqsi kif hemm fejn twieldet Michelle imma mhux l-ID number tagħha
  • Jinsisti li l-indirizz ta' Egrant huwa l-Panama, mhux San Ġwann fejn hemm Nexia BT

Joseph Muscat | ritratt: James Bianchi
Joseph Muscat | ritratt: James Bianchi

Il-Prim Ministru Joseph Muscat kompla jisħaq li l-informazzjoni li wriet Caruana Galizia u li suppost juru li Egrant hija ta' Michelle Muscat, huwa falz. Dan hekk kif, sostna Muscat dalgħodu, il-kliem fid-dokument li pproduċiet Caruana Galizia fih żball fil-post tat-twelid ta' Michelle Muscat. 

Waqt l-istess konferenza, Muscat tefa' dubji fuq il-veraċità tad-dikjarazzjoni u staqsa kif hemm miktub li Muscat twieldet ir-Rabat meta fil-fatt twieldet f'Ħ'Attard. Huwa sostna li l-ID card tagħha, b'mod żbaljat turi li Muscat twieldet ir-Rabat meta fil-fatt twieldet f'Ħ'Attard. Huwa allega li min kiteb id-dettalji, fl-artiklu ta' informazzjoni li skont Muscat huwa falz, ġab l-informazzjoni mir-Reġistru Elettorali. 

Iktar minn hekk Muscat sostna li l-esperti li tkellmu miegħu qalu li kienet xi ħaġa stramba li hemm il-post fejn twieldet u meta twieldet, imma mhux in-numru ta' identità jew in-numru tal-passaport. Intant fir-rigward ta' dak li qal ilbieraħ fuq il-programm Xarabank, Muscat saħaq li, "l-persuna li ffalsifikat id-dokument ħarset lejn il-Konsorzju Internazzjonali tal-Ġurnalisti Investigattivi (ICIJ). "Dan kien żball kbir għax id-database tirreferi għall-indirizzi tal-intermedjarji, meta d-Declaration of Trust trid tirreferi għall-indirizz irreġistrat tal-kumpanija. L-indirizz reġistrat tal-kumpanija, huwa fil-Panama mhux f'San Ġwann."   

Ilbieraħ Muscat akkuża lil DCG li ffalsifikat dawn id-dokumenti u ġab żewġ eżempji biex isostni l-argument tiegħu. Fost dawn, Muscat qal li l-indirizz fuq id-dikjarazzjoni huwa f'San Ġwann, meta suppost il-kumpanija hija rreġistrata fil-Panama. Min-naħa tagħha, Caruana Galizia flimkien mal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil saħqu li dawk huma l-istess indirizzi li għandhom il-kumpaniji Hearville u Tillgate, ta' Konrad Mizzi u Keith Schembri, rispettivament. 

More in Politika