Ġurnata favur aktar għarfien dwar l-awtiżmu fl-Iskola Primarja tar-Rabat Għawdex

Illum saret attività fl-iskola primarja tar-Rabat, Għawdex biex tqajjem aktar għarfien dwar il-firxa wiesgħa tal-awtiżmu

Fuq inizjattiva tal-kunsill tal-istudenti, illum saret attività fl-iskola primarja tar-Rabat, Għawdex biex tqajjem aktar għarfien dwar il-firxa wiesgħa tal-awtiżmu.  Għal din l-attività, fost il-preżenza tat-tfal, għalliema u amministrazzjoni tal-iskola, attendiet ukoll is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana.

Fost l-entużjażmu tat-tfal biex iqajmu aktar kuxjenza dwar din il-kundizzjoni li tolqot miljuni ta’ individwi u tfal madwar id-dinja, is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana tkellmet dwar l-importanza li nkunu nafu aktar dwar l-awtiżmu.  Hija qalet li filwaqt li din il-ġenerazzjoni ta’ tfal taf u għandha aktar għarfien dwar x’inhu l-awtiżmu u kif wieħed għandu jitratta u jikkomunika ma’ tfal b’din il-kundizzjoni, għandu jsir aktar sforz biex l-għarfien u l-kuxjenza jikbru, u b’hekk nimxu għal aktar inklussività fl-iskejjel u fil-komunitajiet tagħna. 

Waqt l-inidirzz tagħha lit-tfal hija qalet li tħossha kburija li kien propju l-kunsill tal-istudenti tal-iskola Primarja tar-Rabat stess li ressaq proposta għal ġurnata ffukata fuq l-għarfien u l-kuxjenza tal-awtiżmu, u dan juri li t-tfal qed isiru aktar u aktar konxji mill-isfida li ġġib magħha din il-kundizzjoni u li tolqothom b’mod dirett minħabba li tfal fi klassijiet tagħhom stess għandhom din il-kundizzjoni u huma jagħmlu minn kollox biex jinkluduwhom fil-logħob u fl-attivitajiet skolastiċi b’mod sħiħ.  Hija ħeġġet lit-tfal tal-kunsill sabiex jagħmlu l-almu tagħhom biex iħeġġu skejjel oħra rrapreżentati minn kunsilli ta’ studenti sabiex jieħdu l-opportunità jorganizzaw ġranet ta’ kuxjenza simili għal din.

Is-Segreatarju Parlamentari Justyne Caruana kkonkludiet billi saħqet fuq l-għan tal-ġurnata ta’ kuxjenza fuq l-awtiżmu. Hija qalet li kull tifel u tifla minn natura huma differenti minn xulxin, u bl-awtiżmu jew mingħajr awtiżmu xorta jkollhom bżonnijiet diversi. Kull individwu għandu bżonnijiet differenti minn xulxin ub’hekk irridu nirsistu li kulħadd iħossu komdu b’dak li nagħmlu u b’dak li ngħidu.  Hija qalet li kull tifel u tifla għandhom potenzjal u abbiltajiet differenti, u jrid ikun hemm lok fejn nagħtu ċans biex dawn l-abbiltajiet joħorġu fil-beraħ u jinqasmu ma’ oħrajn.

More in Politika