'Nisfida lil Simon Busuttil għal dibattitu fuq Xarabank illejla'

Joseph Muscat jgħid li jekk jiġi kkonfermat li dawn l-allegazzjonijiet huma gideb, Simon Busuttil għandu jwarrab

Il-Prim Ministru Joseph Muscat stieden lill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil għal dibattitu Live fuq il-programm Xarabank tal-lejla fuq l-istazzjon nazzjonali.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet biex jindirizza l-allegazzjonijiet li saru dwar il-kumpanija Egrant u li din hi ta' mart il-Prim Ministru, Joseph Muscat qal li meta dawn l-allegazzjonijiet jirriżultaw li huma biss gideb, jistenna li Simon Busuttil iwarrab mill-pożizzjoni tiegħu.

Muscat qal kif illum infetħu numru ta' libelli dwar l-allegazzjonijiet li saru u saret ukoll talba sabiex dawn jinstemgħu b'urġenza. Sostna li, "lbieraħ kienet il-ġurnata tal-allegazzjonijiet u llum hi l-ġurnata tal-provi." 

Saħaq li kien hemm mijiet ta' nies li wrew appoġġ miegħu u mal-familja tiegħu, anke minn Membri Parlamentari Nazzjonalisti li qalu li jiddiżassoċċjaw ruħhom.

Qal ukoll kif ix-xnigħat li setgħu ġew meħuda xi provi jew tqattgħu dokumenti, ma jreġix għaliex it-transfers bankarji ma jistgħux jitqattgħu jew jitħassru, "għalhekk huwa faċli ħafna sabiex jiġi determinat jekk kienx hemm trasferimenti ta' flus."

Joseph Muscat qal kif il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil għamel l-allegazzjonijiet, u issa " jrid iwieġeb għalihom, u jrid iwieġeb bil-provi. Jekk għamel l-allegazzjonijiet tiegħu, dmiru issa huwa li jġib il-provi." Innota kif Busuttil qal li mhux xogħlu li jġib il-provi, "jien nemmen li mhux xogħlu li jitfa' t-tajn."

 

More in Politika