Simon Busuttil jitlob ir-riżenja tal-Prim Ministru

“Meta huwa talab l-inkjesta, Joseph Muscat missu għamel dak li huwa mistenni minnu u rriżenja,” sostna Busuttil

“Pajjiżna jinsab f’sitwazzjoni ta’ krizi politika u kostituzzjoinali...hekk kif il-Prim Ministru jinsab taħt sħaba ta’ korruzzjoni”

Dan qalu Simon Busuttil f’konferenza tal-aħbarijiet li ssejħet fid-dawl tal-inkjesta maġisterjali msejjħa biss wara li l-kameras tan-NET TV qabdu żewġ persuni ħerġin mill-Pilatus Bank b’xi bagalji f’idejhom.

Busuttil tenna li “huwa għalhekk li jien, aħna u l-poplu kollhu mhux biss qam dalgħodu rrabjat u tradut imma anke nkwetat għall-futur ta’ pajjiżna.”

Busuttil kompla jgħid li lbieraħ filgħaxija konna xhieda ta’ affarijiet drammatiċi li pajjiżna qatt ma ra bħalhom qabel, hekk kif sirna nafu li sid il-kumpanija fil-Panama, EGRANT, hija tal-mara tal-Prim Ministru, li jfisser, li hija tal-Prim Minsitru stess.

“Joseph Muscat sejjaħ konferenza biex jiċħad, iżda ma kellux id-deċenza li jaħtar inkjesta indipendenti...” qal Busuttil hekk kif kritika l-ewwel reazzjoni ta’ Muscat.

Simon Busuttil spjega li “kif sirna nafu li filwaqt li l-Prim Ministru kien qed jgħid hekk, żewġ persuni, wieħed minnhom is-sid tal-Pilatus bank, inqabdu joħorġu mill-Bank fil-ħdax ta’ billejl. “Kien wara dan, li l-Prim Ministru ħatar inkjesta maġisterjali.”

“Joseph Muscat issa formalment jinsab taħt inkjesta, sitwazzjoni bla preċedent,” qal Busuttil, li sostna li  meta huwa talab l-inkjesta, Joseph Muscat missu għamel dak li huwa mistenni minnu u rriżenja. “La darba l-Prim Ministru m’għamilx hekk,” Simon Busuttil appella lid-deputati tal-PL biex ineħħuħ huma.

“Pajjiżna ma jistax ikollu PM taħt inkjesta maġisterjali fuq korruzzjoni.”

Busuttil żied jgħid li ma nistgħux inserrħu rasna li l-ġustizzja ma tistax issir hekk kif il-maġistratura u l-inkjesta jaqgħu taħt il-Prim Ministru, li huwa l-indagat.

“Il-Pulizija misshom marru lbieraħ filgħaxija stess u ssigillaw il-Pilatus bank...iżda minflok taw iċ-ċans lis-sid jaħrab bid-dokumenti f’nofs ta’ lejl.”

Busuttil tenna li Gvern Nazzjonalista ġdid jagħti protezzjoni sħiħa lil kull ‘whistle-blower’ li jagħti informazzjoni dwar dan l-iskandlu u kull wieħed ieħor li sar taħt din l-amministrazzjoni.

L-appell ta’ Busuttil kien li “pajjiżna jinsab taħt kriżi politika u kostituzzjonali. Pajjiżna qed isejjaħ lil kull wieħed u waħda minna biex jagħmel il-parti tiegħi, u kulħadd, kull persuna u ħaddiem, fl-interess nazzjonali għandu jingħaqad sabiex ngħelbu din l-isfida ta’ l-aktar Gvern korrott li qatt ra pajiżna. Il-PN lest ikun fuq quddiem biex imexxi dan.”

Busuttil sejjaħ Dimostrazzjoni Nazzjonali nhar il-Ħadd il-Belt Valletta, biex kullħadd isemma leħnu kontra “din il-korruzzjoni li jinsab fiha pajjiżna bħalissa u li daħħalna fiha l-Partit Laburista ta’ Joseph Muscat.”

More in Politika