'L-ebda membru tal-familja Muscat mhu jew qatt kien klijent tal-Bank Pilatus'

Il-bank ċaħad li hemm jew qatt kien hemm dokumenti li jirrigwardaw il-familja Muscat fil-bank

Whitehall Mansions li fih hemm l-uffiċini tal-bank Pilatus f'Ta' Xbiex
Whitehall Mansions li fih hemm l-uffiċini tal-bank Pilatus f'Ta' Xbiex

Il-Bank Pilatus, qal li m'għandu l-ebda konnessjonijiet mal-Prim Ministru Joseph Muscat, ma' martu jew ma' membri tal-istess familja. 

Fi stqarrija, il-bank qal li, "l-ebda membru tal-familja Muscat mhu jew qatt kien klijent tal-Bank Pilatus." Qal ukoll kif qatt ma kien hemm konnessjonijiet tal-bank ma' xi waħda mit-tliet kumpaniji miftuħa fil-Panama, Hearnville, Tillgate u Egrant.

Il-bank, li lbieraħ Daphne Caruana Galizia allegat li kien qed iżomm dokumenti fis-sejf tiegħu li juru li l-kumpanija Egrant kienet ta' mart il-Prim Ministru, ċaħad li dan kien il-każ u insista li l-bank la għandu u la qatt kellu sokumenti li huma ta' xi ħadd mill-familja Muscat, jew li ġew iffirmati jew ta' benefiċċju għall-istess familja tal-Prim Ministru.

Fl-istess stqarrija, il-bank ċaħad ukoll l-allegazzjonijiet li għamlet Caruana Galizia li kien hemm xi tranżazzjonijiet sabiex jingħataw flus lil Michelle Buttigieg li hija s-sieħba fin-negozju ta' Michelle Muscat.

Rigward il-filmati li dehru lbieraħ filgħaxija mill-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista, il-bank sostna li ċ-chairman, Seyed Ali Sadr Hasheminejad, kien għadu kemm irritorna Malta minn Washington għal laqgħa li kienet skedata, u għaldaqstant kien għadu jġorr il-bagalji tiegħu. Il-bank sostna li l-filmati tas-CCTV jikkonfermaw dan.

Finalment, il-bank sostna li l-fatt li tinsab għaddejja investigazzjoni huwa xi ħaġa pożittiva, li l-bank jilqa' bħala mod ta' kif jistgħu jiġu determinati l-fatti, u "jiġu miċħuda l-għadd ta' kummenti u rapporti bla bażi, fl-aħħar ġranet."

More in Politika