Il-pulizija għamlet raid fl-uffiċini tal-Pilatus Bank f'Ta' Xbiex dalgħodu wara li lbieraħ filgħaxija, il-Prim Ministru, permezz tal-avukati tiegħu talab lill-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar sabiex jiġi mqabbad il-maġistrat tal-għassa jibda jinvestiga l-allegazzjonijiet li saru minn Daphne Caruana Galizia.
Caruana Galizia lbieraħ allegat li l-kumpanija Egrant hi tal-mara tal-Prim Ministru Joseph Muscat, waqt li Muscat ċaħad kategorikament li dan hu minnu waqt li qal li se jkun qed jiftaħ libell fil-konfront ta' Caruana Galizia.
Xi ħin wara dawn l-allegazzjonijiet, ilbieraħ filgħaxija dehru żewġ persuni ħerġin mill-bini tal-istess bank, b'żewġ bagalji.
Diversi karozzi tal-Pulizija u karozzi tal-Qorti kienu preżenti quddiem Whitehall building li huwa l-bini fejn jinsabu l-uffiċini tal-istess bank.