Investiment ta’ €80,000 għal servizz ġdid għal pazjenti b’kanċer tas-sider

Minn din is-sena il-biopsies għal-pazjenti b'kanċer tas-sider se jsiru fl-isptar Mater Dei permezz ta’ apparat ġdid

Sas-sena li għaddiet, pazjenti li kien ikollhom bżonn isirilhom tip ta’ biopsy kumplessa f’sidirhom biex ikun determinat jekk għandhomx kanċer, kienu jintbagħtu barra l-pajjiż.

Minn din is-sena dawn it-tip ta’ biopsies qegħdin isiru fl-isptar Mater Dei permezz ta’ apparat ġdid; il-Vacuum Assisted Breast Biopsy. Dan ħabbru l-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, waqt konfernza tal-aħbarijiet fid-Dipartiment tal-Medical Imaging fl-Isptar Mater Dei.

“Permezz ta’ dan l-investiment ta’ €80,000, il-pazjenti qegħdin jagħmlu dan l-intervent f’Malta stess u mingħajr il-bżonn ta’ operazzjoni kbira,” qal il-Ministru Fearne. Fil-fatt intervent bil-Vacuum Assisted Breast Biopsy  idum madwar 20 minuta, li għalih jintuża loppju lokali u ma jkunx hemm bżonn li jsiru ponti.

Fl-aħħar snin, sar investiment qawwi fid-Dipartiment tal-Medical Imaging, fejn barra l-Vacuum Assisted Breast Biopsy sar ukoll investiment f’MRI u CT Scan ġdida, sar ukoll investiment f’Biplane Angio Suite. Dawn huma kollha teknologiji tal-ogħla livell li tejbu s-servizz li joffru dan id-Dipartiment.

“Illum  nistgħu ngħidu li għandna servizz tas-saħħa aħjar,” ikkonkluda l-Ministru Chris Fearne.

More in Politika