€17-il miljun fi ftehim kollettiv fuq 8 snin għall-ħaddiema tal-Gvern

Ikkonfermat dak li żvelat il-gazzetta ILLUM ilbieraħ...ftehim kollettiv ġdid għal 30,000 impjegat tal-Gvern

Kif żvelat ilbieraħ din il-gazzetta, il-Gvern għadu kemm iffirma ftehim kolletiv għall ħaddiema tal-Gvern. Dan il-ftehim, ikopri mat-30,000 ħaddiem mas-settur pubbliku u se jkun qed jara injezzjoni ta' €17-il miljun fil-pagi u l-kundizzjonijiet ta' dawn il-ħaddiema.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet f'Kastilja, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal kif dan il-ftehim għandu jkopri 8 snin u minn €17-il miljun, se jkun qed jitla' għal €20 miljun tul dawn l-istess snin. Cutajar spjega kif b'dan il-ftehim, se jkun qed jiġi kkoreġut l-effett tal-konzertina u se jibdew jiġu indirizzati diversi anonomaliji fosthom ix-shift allowances, wara ħafna snin.

Spjega wkoll kif dan huwa l-ftehim kollettiv prinċipali li jkopri eluf ta' ħaddiema tal-Gvern, iżda taħtu jaqgħu għadd ikbar ta' ftehimiet oħra li jkunu speċifiċi tas-settur. Fil-fatt, dwar dawn il-ftehimiet settorjali, Cutajar qal li dawn qabel ma kienx ikollhom data ta' skandenza iżda setgħu jibqgħu fis-seħħ għal snin twal. Għaldaqstant, issa dawn il-ftehimiet settorjali se jkunu validi għal perjodu ta' 5 snin.

Dan il-ftehim kien il-ħames wieħed sa mill-1996-1998 u l-ewwel wieħed li jkopri perjodu ta' 8 snin. Cutajar kompla jgħid kif għall-ewwel darba, dan il-ftehim intlaħaq 4 xhur biss wara li skada l-ftehim li għadda, meta s-soltu, id-diskussjonijiet kienu jtulu għal madwar sentejn, fejn kompla jgħid li dan juri l-ħeġġa tal-imsieħba involuti fid-diskussjonijiet.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal kif dan juri li l-Gvern qed jagħti kuraġġ lil settur kbir u importanti ta' ħaddiema, iżda min-naħa tiegħu, il-Gvern qed jistenna li jkun hemm effiċjenza, u li l-ħidma tkun tirrifletti ż-żieda u r-ritmu tal-ekonomija.

Min-naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija qal li Gvern ġdid Nazzjonalista mhux biss se jkun qed jirrispetta l-Ftehim Kollettiv tas-Servizz Pubbliku ffirmat dalgħodu, "iżda se jkun qed jindirizza l-inġustizzji kbar li jeżistu fost il-ħaddiema taċ-Ċivil. Din il-leġiżlatura kienet ikkaraterizzata minn sensiela ta’ inġustizzji fejn ħaddiema ngħataw il-ġenb, u sofrew minn diskriminazzjoni mill-ogħla awtoritajiet taċ-Ċivil." 

Il-PN kompla jsostni li bi Gvern Nazzjonalista, il-ħaddiema taċ-Ċivil ikollhom rashom mistrieħa li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom se jkunu qed jissaħħu u jingħataw aktar drittijiet. 

More in Politika