Filmat | Muscat - 'Jekk Simon jaf xi ħaġa, jaqbad u jgħidha, mhux problema'

  • Il-PM Joseph Muscat jgħid li Daphne Caruana Galizia 'ma tistax ġġib provi għax qed tigdeb'
  • 'Attakkaw lili kemm tridu, anke b'gidba, imma mhux lil uliedi'

Il-PM Muscat (arkivji)
Il-PM Muscat (arkivji)

Għat-tielet jum, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien mistoqsi dwar il-kumpanija Egrant, li diversi sezzjonijiet tal-PN u fost bosta attivisti tal-PN l-implikazzjoni hija li din il-kumpanija hija tiegħu. Muscat kien pjuttost ċar u sostna li Daphne Caruana Galizia qed tigdeb u ma tistax toffri provi ta’ dak li qed tallega, jiġifieri li hu jew xi ħadd mill-familja tiegħu għandiu kont sigriet li mhux iddikjarat.

“Li tagħmel allegazzjonijiet u ma turix farka evidenza, mhux serjetà,” sostna Muscat li appella lill-ġurnalisti u lill-media biex “iżżommu lilha (DCG) kontabbli għall-allegazzjonijiet foloz li qed tagħmel.”

“Il-pożizzjoni tiegħi ili li għidtha xhur sħaħ u qed inkun konsistenti,” saħaq Muscat illi kull darba li kien mistoqsi dwar Egrant, dejjem ċaħad b’mod kategoriku li hu jew xi ħadd mill-familja Muscat għandu kont, Malta jew barra mill-pajjiż, li mhux iddikjarat.

Muscat idawwar il-kanuni fuq il-kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u jisħaq li “min għandu jgħid xi ħaġa, jgħidha u jipprovaha...mhux problema.”

Għall-mistoqsijiet tal-media Nazzjonalista, Muscat, b’referenza għall-email dwar Brian Tonna, Muscat ripetutament staqsa, “qed tara ismi f’dik l-email? Qed tara ismi f’dik l-email?”, f’sensiela ta’ mistoqsijiet retoriċi għall-fatt li l-PN u b’mod speċjali Caruana Galizia ilhom għal dawn l-aħħar xhur jimplikaw li fil-fatt, Egrant hija ta’ Muscat. Tant hu hekk li l-PN ġieli rrefera għal Muscat bħala Mr.Egrant.

B’referenza għal dak li qal ilbieraħ Busuttil, jiġifieri l-appell tiegħu lill-pubbliku biex ‘min, mill-pubbliku, jaf xi ħaġa dwar Egrant għandu jikxef', Muscat saħaq li Busuttil “għandu jgħid dak li jaf, mhux għamel sena jigdeb fuqi u issa qed jgħid li din il-kumpanija ta’ marti jew ta’ uliedi.”

“Attakkaw lili, attakkawni b’gidba, imma ħallu lill-familji barra.”

Intant, fi stqarrija, iċ-chief of staff Keith Schembri qal li minkejja li għaddew sitt ijiem, sal-lum Simon Busuttil u Daphne Caruana Galizia, "għajr gideb għadhom ma qalux. Il-kumpanija Tillgate Inc, kif diġà ngħad b’ mod konsisteni, qatt ma kellha kont bankarju, la f’bank Dubai, u lanqas ma ebda bank ieħor fid-dinja. B’responsabbiltà u b’serenità assoluta nistieden lil Caruana Galizia jew kull persuna oħra tippreżenta l-provi kollha li għandha bla aktar dewmien," temm jgħid Schembri.

More in Politika