Aktar minn 160,000 Malti jgawdu minn 'Fondi Soċjali Ewropej' tul is-snin

Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg jiftaħ il-wirja “Il-Fondi Soċjali Ewropej: Passat, Preżent u Futur” fil-ġonna ta’ Hastings

Is-segretarju Parlamentari għall-Presidenza tal-2017  u tal-fondi tal-UE, Ian Borg fetaħ il-wirja tal-Fondi Soċjali Ewropej fil-ġonna ta’ Hastings, fil-Belt Valletta.

Din  il-wirja infetħet wara l-konferenza “Il-Fondi Soċjali Ewropej: Passat, Preżent u Futur” li saret f’Għawdex ftit tal-ġimgħat ilu biex timmarka s-sittax –il anniversarju tal-Fondi Soċjali Ewropej (FSE).

Waqt il-ftugħ tal-wirja, Borg saħaq li r-riżorsi umani huma l-aħjar ass li jista’ jkollu kwalunkwe pajjiż, u li l-Fondi Soċjali Ewropej huma bla dubju strument effettiv li jsostni kemm il-prioritjatiet nazzjonali kif ukoll dawk tal-UE fir-rigward tar-riżorsi umani.

Il-programm ta’ fondi soċjali ESF 2014-2020 jinsab bħalissa fit-tielet sena tiegħu u diġà għamel passi ‘l quddiem fl-implementazzjoni ta’ numru ta’ proġetti. Borg spejga li l-FSE diġà għenu kważi 10 miljum Ewropew sabiex isibu impjieġ bejn l-2007 u l-2014. Minkejja dan, jinħtieġu aktar miżuri sabiex il-prestazzjoni ta’ din il-politika tkun aktar evidenti u tikkonvinċi l-kritiċi li hija filfatt politika viċin taċ-ċittadini.

Ian Borg qal li f’Malta, b’popolazzjoni ta’ bejn 400,000 u 450,000 persuna, il-FSE diġà gawdew minnhom aktar minn 160,000 persuna, li jfisser li kważi kull familja Maltija ibbenefikat b’xi mod jew ieħor mill-Fondi Soċjali Ewropej.

Il-wirja tal-FSE se tkun miftuħa għall-pubbliku sat-28 t’April, kuljum inkluż Sibtijiet u Ħdud u se tkun qed turi l-istorja ta’ kif il-Fondi Soċjali Ewropej evolvew tul is-snin. Il-wirja hija ċelebrazzjoni tar-riżultati li nkisbu u li skont Borg, “se ġġib aktar għarfien dwar il-fondi.”

Ian Borg irringrazzja lil kulħadd fi ħdan il-PPCD u l-MUESAC, għall-kontribut kontinwu tagħhom permezz ta’ xogħol li jassigura li dawn il-fondi jintużaw b’mod effettiv. Huwa rringrazzja wkoll lil dawk li organizzaw il-wirja, li żgur li se tkun waħda li tiġbed l-attenzjoni ta’ aktar partiċipanti prospettivi.

More in Politika